Ir-roqgħa żejt minn tanker Iranjan li għereq fil-Baħar tal-Lvant taċ-Ċina issa hi d-daqs tal-kapitali Franċiża, Pariġi.
Iż-żejt qed ikompri zona ta’ 101 kilometru kwadru. L-awtoritajiet Ċiniżi qalu li kien hemm erba’ rqajja’ b’kollox wara li l-Ħadd li għadda għereq it-tanker Sanchi. L-akbar roqgħa fiha madwar 48 kilometru kwadru.
Is-Sanchi kien qed iġorr 136,000 tunnellata żejt magħruf bħala condensate mill-Iran lejn il-Korea t’Isfel. Iż-żejt hu ta’ tip li jieħu n-nar malajr u hu diffiċli ħafna li jinġabar minn wiċċ il-baħar. It-tanker kien ilu jaqbad ġimgħa wara li ħabat ma’ vapur tal-merkanzija. Il-membri tal-ekwipaġġ kollha, Iranjani u mill-Bangladesh, hu maħsub li mietu.
L-ambjentalisti huma mħassbin li dan l-inċident se jagħmel ħsara kbira lill-ambjent marittimu għall-ħafna snin li ġejjin. Dan peress li ħafna miż-żejt li kien għadu fil-vapur niżel miegħu fil-qieħ bil-konsegwenza li jkompli jniġġes il-baħar. Dan apparti l-fuel li kien hemm għall-magni tal-vapur.
Iz-zona fejn seħħ l-inċident titqies bħala waħda mill-iktar sinjuri għall-ħut fiċ-Ċina.
Minħabba f’hekk, ix-xjentisti fil-Ġappun u l-Korea t’Isfel qalu li hemm bżonn għassa stretta għal dak li qed jiġri biex ikun assigurat li l-ħut u ikel ieħor mill-baħar li qed jinbiegħ ma jkunx ikkontaminat. L-esperti qed isostnu li aktarx huma fil-miljuni l-ħut li spiċċaw ikkontaminati bil-materjal tossiku minn dan l-inċident.
Roqgħa żejt id-daqs ta’ Pariġi


