L-Imħallef Rosemarie Aquilina, bint Malti li kien iżżewweġ Ġermaniża u emigra lejn Detroit, fl-Istati Uniti, qed tmexxi l-każ serju ta’ abbuż sesswali fuq numru ta’ atleti Olimpiċi.
Il-każ hu dwar Larry Nassar, tabib tat-tim nazzjonali Amerikan tal-ġinnastika li qed jaffaċċja akkużi ta’ abbuż sesswali minn iżjed minn 140 ġinnasta matul is-snin, fosthom każi ta’ ġinnasti li kienu taħt l-eta.
F’Diċembru li għadda, Nassar kien ingħata sentenza ta’ 60 sena ħabs wara li ammetta akkużi ta’ pornografija tat-tfal. Xahar qabel, ammetta wkoll għal diversi akkużi ta’ attakki sesswali. Danw ara li l-Pulizija kienu ssekwestrawlu 37,000 stampi u filmati, inkluż filmati minn GoPro fejn juruh jabbuża sesswalment minn numru ta’ tfajliet fi swimming pool.
Issa, fil-każ li qed tmexxi l-Imħallef Rosemarie Aquilina, numru ta’ vittmi qed ikomplu jixhdu kontrih. Min-naħa tiegħu Nassar kiteb ittra fejn akkużaha li qed tmexxi ċirku ta’ erbat ijiem fil-konfront tiegħu għall-gwadann personali tagħha, u talab li ma jibqax jisma’ r-rakkonti tatt-fajliet għax qed issirlu ħsara psikoloġika.
S’issa xehdu ħamsin tfajla fejn akkużaw lil Nassar b’abbużi sesswali, waqt li fadal 55 oħra li għad iridu jirrakkuntaw dak li għaddew minnu taħt idejn l-eks tabib tan-nazzjonal Amerikan. In-numru mistenni jiżdied hekk kif kuljum qed jidħlu talbiet oħra minn tfajliet li huma wkoll iridu jirrakkuntaw dak li seħħ.
L-Imħallef Aquilina mhux biss ma laqgħetx it-talba tiegħu li x-xhieda jieqfu jirrakkuntaw, anzi wegħdet li jekk hemm bżonn testendi ż-żmien biex dawk kollha li jridu jirrakkuntaw l-istejjer tagħhom ikunu jistgħu jagħmlu dan.
Il-vittmi tal-abbuż iddeskrivew snin ta’ problemi kawża ta’ dak li għaddew minnu, fosthom problemi ta’ saħħa mentali, dipressjoni, kif ukoll bulimja, anoressja u attentati ta’ suwiċidju.