Li nirriċiklaw u niddisponu mill-iskart kif suppost kien l-iskop ta’ attivita’ organizzata fuq il-bajja ta’ Għajn Tuffieħa mill-Iskola Theresa Nuzzo tal-Marsa.
F’din l-attivita’ t-tfal ġabru l-iskart li tħalla jiġri fuq il-bajja bħall-boroz tal-plastik u kontenituri. Għal din l-attivita’ pparteċipaw l-istudenti kollha tal-iskola mill-year 1 sal-year 6 u kienu mistiedna wkoll il-ġenituri tal-istudenti li wħud minnhom attendew.
Il-Kap tal-Iskola s-soru Antonia Bugeja qalet li matul kull sena skolastika jorganizzaw environmental week. Ġimgħa li matulha t-tfal jingħataw informazzjoni u taħriġ ta’ kif jiddisponu mill-iskart u jarmuh. Dan bl-iskop li t-tfal jitrabbew b’tali mod li jibżgħu għall-ambjent b’mod sostenibbli u tanġibbli għaliex mhux kemm sempliċement ngħid lit-tfal biex ma jħammġux barra u biex jisseparaw l-isark imma rridu nuruwhom kif, spjegat il-Kap tal-Iskola.
Jackie Graham u Olivia Spiteri huma tnejn mill-għalliema li ħarġu bl-idea għal din l-inizjattiva u li flimkien ma’ għalliema oħra jiffurmaw kumitat dwar l-ambjent li fih hemm membri żewġt itfal minn kull klassi. Flimkien jaqsmu l-ideat tagħhom u joħorġu b’inizjattivi bħal ma kienet il-‘Clean Up’ fuq il-bajja ta’ Għajn Tuffieħa.
Biex l-iskola organizzat din l-inizjattiva sabet koperazzjoni mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa u anke mid-dipartiment tat-tindif.
//= $special ?>

