Lokali

Valletta 2018: Sena unika, sena sinifikanti, sena li għandha tgħaqqadna – Christian Micallef, Viċi Sindku tal-Belt

Il-Belt Valletta: waħda mit-tliet siti fil-lista tal-UNESCO
Idea ta’ ftit nies li kienet konfermata waraa ħafna xogħol f’Ottubru tal-2012, illum qed issir realtà għal nazzjon sħiħ

X’hemm isbaħ milli tara pajjiż u poplu wieħed jiċċelebra l-istess festa, f’għaqda u f’atmosfera waħda fejn il-kultura u dak kollu li hu Malti jkun il-qafas taċ-ċelebrazzjoni! Għada u matul din is-sena kollha se nkunu qed nagħtu bidu għal dawn iċ-ċelebrazzjonijiet b’mod uffiċjali u m’għandix dubju li se nkunu qed nagħtu bidu għal sensiela ta’ avvenimenti uniċi u speċjali li għandhom ikomplu jagħtu dehra akbar u aħjar lill-Belt Valletta, fis-sena fejn qed niċċelebraw it-titlu prestiġjuż ta’ Belt Kapitali Ewropea għall-Kultura 2018. Indubjament, dan hu titlu Ewropew sinifikanti għall-kultura ta’ Malta, iżda fuq kollox titlu importanti li jirrifletti l-wirt kulturali partikolarment tal-Belt Valletta, li għal tant snin hija meqjusa bħala Belt Kapitali b’karattru Barokk.

Kultant ninsew, jew agħar minn hekk mhux kulħadd għadu jiftakar, li dan l-unur kien konfermat lilna f’Ottubru tal-2012, grazzi għax-xogħol li kien sar mill-Partit Nazzjonalista fil-Gvern u l-Kunsill Lokali b’maġġoranza tal-PN li ħadmu flimkien biex l-applikazzjoni u l-preżentazzjoni ta’ Malta f’isem il-Belt Valletta kienet suċċess.

Dakinhar, il-Kunsill Lokali kien ippreżenta nomina b’suċċess għan-nom tal-Kunsilli Lokali kollha f’Malta u Għawdex. Fir-rwol tiegħi ta’ Viċi Sindku tal-Belt Valletta, nistqar magħkom li llum ninsab eċitat daqs qatt qabel b’dan it-titlu u b’dak kollu li se jkun qed iseħħ matul din is-sena, anke għaliex tul dawn l-aħħar snin rajt idea ta’ ftit nies issir realtà għal nazzjon sħiħ.

Il-ħsieb oriġinali ta’ dawk li ħolmu li jagtħu apprezzament lill-Belt Valletta u l-kultura tagħha llum tant kibret li sforz il-ħidma tal-Gvern u l-Kunsill Lokali tagħna, twieldet il-Fondazzjoni Valletta 2018 li mingħajr dubju nkunu qed nonqsu jekk ma nfaħrux ix-xogħol tajjeb li sar minn dawk kollha involuti f’din il-fondazzjoni anke biex iħejju programm kulturali li hu deskritt bħala wieħed ‘eċitanti’.

Ejjew nifhmu li għajnjen l-Ewropej, jekk mhux tad-dinja kollha, se jkunu fuq il-Belt Valletta u l-wirt storiku. Għaldaqstant hu d-dover tagħna li napprezzaw dak li għadna iżda fuq kollox nipproteġu u nissalvagwardjaw il-wirt kollu storiku ta’ pajjiżna, u mhux biss dak li jinsab fil-Belt Valletta.

Irrid nammetti li f’dawn l-aħħar snin rajt żieda kbira fl-importanza mogħtija lejn il-Belt Valletta, hekk kif il-gvernijiet, partikolarment dawk mill-2008 ’l hawn, kollha ħadmu bis-sħiħ biex fil-Belt Valletta jsiru proġetti kapitali u ta’ daqs iżgħar sabiex inħejju lill-Belt Kapitali tagħna bl-aħjar mod possibbli għal din is-sena tant importanti għalina lkoll.

Dan it-titlu għandu jwassal biex insaħħu l-promozzjoni u d-dehra tal-Belt Valletta fuq livell internazzjonali. Dan l-entużjażmu m’għandux ikun riservat għall-Beltin biss iżda għal kull Malti u Għawdxi li jħobb l-identità u l-kultura lokali.

L-2018 għandha tkun sena storika u unika għal pajjiżna. Tabilħaqq kulħadd għandu jfittex li jikkontribwixxi bil-mod tiegħu biex dan l-avveniment, mifrux matul sena sħiħa, ikun suċċess f’kull sens.

Fuq kollox, kulħadd għandu jħossu Belti daqskemm hu Malti jew Għawdxi, għaliex il-Belt Valletta hija wirt kbir li tagħti dimensjoni oħra u akbar lill-kultura ta’ pajjiżna. Hu fatt li f’dawn l-aħħar snin rajna riġenerezzjoni kbira sseħħ fil-Belt Valletta, u dan hu frott tal-kultura li nipproteġu l-wirt storiku tagħna, filwaqt li nkattru kuxjenza dwar il-valur tal-wirt storiku.

Jeħtieġ li nifhmu u naprezzaw li l-esperjenza fl-UE wkoll tatna aċċess għall-fondi u għal tagħrif dwar il-best practices Ewropej fil-protezzjoni ta’ dak li hu sagru għalina, biex b’hekk nistgħu nrodduh lill-ġenerazzjonijiet li jiġu warajna. Dak li se nkunu qed niċċelebraw għada hu sforz numru ta’ deċiżjonijiet tajba li ħa pajjiżna matul iż-żmien, ibda biex id-dħul ta’ Malta fl-UE fl-2004. Dakinhar ftaħna ċavetta importanti li permezz tagħha għarafna kif għandna nissalvagwardjaw u nipproteġju l-wirt naturali u storiku tagħna filwaqt li nimiriħu bi proġetti oħrajn ġodda li flimkien ikomplu jagħtu l-identintà lill-Belt Valletta u lil pajjiżna.

Sfortunatament irrid ninnota li dan mhux dejjem qed isir madwar Malta u Għawdex kollha u kultant infallu milli nagħtu l-importanza mixtieqa lill-wirt storiku u ambjentali tagħna. Dan m’għandux ikun u għadna dejjem infittxu li nagħtu prijorità u attenzjoni lil dan l-aspett li fl-aħħar mill-aħħar għandu jgħaqqadna lkoll.

L-investiment fir-riġenerazzjoni tal-Belt Valletta qed iħalli l-frott tiegħu ukoll f’dak li għandu x’jaqsam ma’ riġenerazzjoni ekonomika tal-lokalitlà. Il-Belt tagħna hija ħaja u miżgħuda bi proġetti kummerċjali li jtejbu l-prodott sħiħ li nistgħu noffru. Bħala Belti nieħu gost ninnota li r-residenti Beltin, iżda fuq kollox il-Beltin li mhux neċessarjament għadhom jgħixu fil-lokalità, illum jikkontribwixxu direttament f’dan l-aspett ekonomiku u dan qed isir permezz ta’ ħidma kontinwà li qed tkun produttiva u effettiva.

Naturalment, dan huwa kollu pożittiv u f’sena daqstant importanti għall-Belt Valletta ninsab tant kburi b’dak li rnexxilna niksbu flimkien. Però jeħtieġ li nifhmu li aktar ma ntejbu l-pożizzjoni tal-Belt Kapitali tagħna, aktar tikber ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet kollha li jħarsu l-Belt u lir-residenti tagħha minħabba l-pressjoni li qed ikun hemm fuqha.

Ta’ kuljum niltaqgħu ma’ ezempji ta’ nuqqas ta’ ndafa, ta’ vandaliżmu, ta’ każijiet ta’ storbju wara ħinijiet stipulati. Mingħajr dubju, żieda fl-attività għandha tkun akkumpanjata minn żieda fir-riżorsi dedikati għas-sigurtà u ndafa. Fuq kollox, hu obbligu ta’ kulħadd li nipproteġu dak li għandna billi nilħqu bilanċ li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd.

Christian Micallef – Viċi Sindku tal-Belt Valletta – micallef_christian@yahoo.co.uk