L-inkjesta dwar il-mewt ta’ Dolores O’Riordan, il-kantanta tal-grupp famuż, The Cranberries, spiċċat aġġornata waqt li l-maġistrat inkwerenti qed jistenna għar-riżultati ta’ ‘diversi testijiet’.
Skont ir-rapporti, l-inkjesta li għaddejja f’Westminster (f’Londra) spiċċat aġġornata għat-3 ta’ April.
Dolores O’Riordan, Irlandiża minn Limerick, mietet f’daqqa fil-15 ta’ Jannar li għadda, fl-età ta’ 46 sena. Hi kienet il-wiċċ familjari tal-Cranberries u l-protagonista ta’ kanzunetti li kisbu suċċess internazzjonali fis-snin disgħin – b’mod partikulari Linger u Zombie.
L-uffiċjali viċin l-inkjesta qalu mill-ġdid li l-kantanta kienet residenti f’lukanda, fiċ-ċentru ta’ Londra, meta hi instabet mejta fil-kamra. Is-servizzi tal-ambulanzi lokali kienu kuntattjati minnufih u verifikaw il-mewta fuq il-post.
Il-mewt ta’ Dolores O’Riordan, intant, mhix qed titqies bħala suspettuż mill-Pulizija Metropolitana.
Dan meta saret l-awtopsja fuq il-katavru tal-kantanta, bil-qorti f’Westminster qed tistenna r-riżultati ta’ numru ta’ testijiet li ordnat biex isiru b’konnessjoni mal-każ.
L-aħħar rapporti qalu li l-arċipriet ta’ Friarstown ( il-belt fejn trabbiet O’Riordan) f’ Limerick, sostna li l-funeral tal-kantanta għandu jsir fl-Irlanda. Intant, iż-żmien tas-servizz funebri jiddependi minn meta l-katavru ta’ O’Riordan ikun rilaxxat.
Il-grupp The Cranberries — li l-membri tiegħu jinkludu Noel Hogan, Fergal Lawler u Mike Hogan — kien sploda fix-xena tal-mużika internazzjonali bl-ewwel album li jismu Everybody Else Is Doing It So Why Can’t We? u li kien ħareġ fl-1993.
Dan meta l-grupp irnexxielu jbiegħ ‘il fuq minn 40 miljun diska madwar id-dinja.
Ebda ħjiel s’issa għal x’wassal għall-mewt ta’ Dolores O’Riordan tal-Cranberries


