Rapport: George Cassar
ĦAMRUN S…………0
SLIEMA W………….1
Ħamrun: S. Sultana. K. Micallef (L. Micallef 70’), T. Espindola, D. Zerafa, Tiago (D. Succi 81’), T. Caruana, Guilherme, D. Camilleri, M. Criaco, Jul. Galea (A. Faria Machado 64’), A. Nilsson
Sliema: G. Zammit, J. Mintoff, N. Ashong, G. Adamovic, S. Biancardi, M. Scerri, M. Muchardi, F. Qeros (E. Agius 91’), M. Sansone (G. Aquilina 88’), N. Milinceanu (P. Xuereb 81’), F. Temile
Skorjaw: G. Adamovic 38’ (Ħ)
Imwissija: N. Milinceanu 25’, S. Biancardi 53’, M. Scerri 56’, F. Temile 63’, G. Zammit 93’, Jul. Galea 35’, M. Criaco 56’, T. Caruana 87’ (Ħ)
Referee: Trustin Farrugia Cann
Assistenti Referees: Roberto Vella, Dusan Petrovic
Attendenza: 749
Sliema Wanderers eliminaw lil Ħamrun Spartans b’gowl wieħed ta’ Goran Adamovic lejn l-aħħar tal-ewwel taqsima u avvanzaw għall-kwarti tal-finali tal-FA Trophy.
Is-Slimiżi, finalisti fl-aħħar żewġ edizzjonijiet, kienu aħjar fl-ewwel taqsima iżda l-Ħamruniżi ħarġu grintużi u ppersistew ħafna mqar għall-gowl tal-parità, iżda d-debuttant Alex Nilsson u t-Taljan Marco Criaco fallew il-mira f’diversi okkażjonijiet u għal sena oħra l-FA Trophy reġgħet ħarbitilhom minn idejhom
Wara ħames minuti Frank Temile mix-xellug fetaħ għan-nofs lejn Nicolae Milinceanu li minkejja li kellu l-ftuħ ma rnexxilux jikkontrolla u ma kkonkludiex. Ħamrun ipprotestaw għal penalty wara għaxar minuti meta Alex Nilsson waqa’ għad-daħla ta’ Goran Adamovic iżda r-referì Trustin Farrugia Cann ħalla l-logħob għaddej.
Sliema skurjaw il-gowl tar-rebħa fit-38 minuta meta minn korner ta’ Frenci Qeros, id-difensur Goran ADAMOVIC ħa vantaġġ mit-tul tiegħu, għola fuq kulħadd u b’daqqa ta’ ras b’saħħitha tefa’ fix-xibka.
Fit-53 minuta nqala’ paniku hekk kif Mark Scerri mess wiċċ Marco Criaco viċin il-banek tas-sostituti bil-plejer Ħamruniż ipattihielu lura bl-istess mod. Ir-referì solva s-sitwazzjoni billi ta karta safra liż-żewġ plejers iżda keċċa wkoll lit-team manager ta’ Ħamrun Etienne Vella minħabba l-protesti tiegħu.
Ftit wara s-siegħa logħob il-gowlkiper Slimiż Glenn Zammit salva ferm tajjeb freekick ta’ Marco Criaco mmirat lejn ir-rokna tax-xibka. L-aħjar ċans ta’ Ħamrun wasal kwarta mit-tmiem meta s-sostitut Arthur Faria Machado rċieva ballun f’nofs il-kaxxa u minkejja l-ispazju li kellu quddiemu, ikkonkluda ftit barra fost ħafna diżappunt tal-Ħamruniżi.
It-tim immexxi min Jacques Scerri tefa’ kollox fuq l-attakk iżda Sliema b’xi mod baqgħu jżommu sodi sal-aħħar. Is-suffara finali rat lis-Slimiżi jiċċelebraw u jżommu t-tradizzjoni pożittiva li għandhom fl-FA Trophy, filwaqt li l-Ħamruniżi kienu b’idejhom fuq rashom diżappuntati li nqalgħu hekk kmieni minn tazza li kienu qed jittamaw li jirbħuha fl-aħħar tal-istaġun.
//= $special ?>