Futbol Sport

FILMAT: Żejtun jeliminaw lil Mosta b’botta u risposta fl-aħħar minuti

Il-plejers ta’ Żejtun jiċċelebraw il-gowl tar-rebħa skorjat minn Johan Castano (Ritratt: Trevor Sollars)

Rapport: George Cassar

MOSTA………………1

ŻEJTUN C………….2

Mosta: A. Vella, I. Maric, T. Veronese, D. Mansi, T. Farrugia, K. Magro, D. Nworah (N. Frendo 70’), D. Xuereb (Z. Brincat 53’), J. Tanti, Leozinho, A. Wendel

Żejtun: D, Zarb, C. Giordimaina, N. Tabone, Y, Camilleri, D. Albanese, A. Scozzese, O. El Hussieny, B. Farrugia (R. Dalli 53’), A. Smeir (Ell. Vella 65’), J. Sato, J. Castano

Skurjaw: A. Smeir 37’ (Ż), Leozinho 90’ (M), J. Castano 92’ (Ż)

Imwissija: K. Magro 11’ (M), J. Castano 12’ (Ż), T. Farrugia 14’ (M), D. Albanese 61’, Ell. Vella 73’ (Ż)

Tkeċċa: Z. Brincat 85’ (M)

Referee: Ishmael Barbara

Assistenti Referees: Duncan Sultana, Peter Abela

It-tim tal-Ewwel Diviżjoni Żejtun Corinthians għamel sorpriża fir-raba’rawnd tal-FA Trophy meta elimina lit-tim tal-Premier Mosta. Il-partita kienet kwieta iżda laħqet il-qofol tagħha fl-aħħar minuti li fihom Mosta spiċċaw b’għaxar plejers, skurjaw il-gowl tal-parità fid-disgħin minuta, iżda sofrew il-gowl fatali żewġ minuti wara.

Din hija l-ewwel darba minn mindu l-FA Trophy bdiet tintlagħab bejn it-timijiet tad-diviżjonijiet kollha li Żejtun waslu sal-aħħar tmienja ta’ din il-kompetizzjoni. Min-naħa l-oħra Mosta komplew bit-tradizzjoni negattiva li ma jaqbżux ir-raba’ rawnd, xi ħaġa li fl-aħħar tmien snin konsekuttivi li ilhom jilagħbu fil-Premier għamluha darba biss fl-2015.

Il-partitarji Żwieten ġew armati wkoll bil-banda u kienu huma li lbieraħ żewqu l-atmosfera f’Kordin. Żejtun m’għamlu xejn ta’ barra minn hawn iżda baqgħu dixxiplinati u kompatti tul il-partita kollha u l-paċenzja tagħhom tat il-frott.

Mosta wettqu diversi żbalji fejn id-difiża tagħhom nqabdet ta’ spiss miftuħa, filwaqt li ma kienx hemm kordinament tajjeb bejn nofs il-grawnd u l-attakk fejn speċjalment il-plejers David Nworah u Alex Wendel qatt ma daħlu fil-logħba.

Qrib in-nofs siegħa logħob Mosta kienu sfortunati meta Dexter Xuereb kellu x-xutt tiegħu minn barra l-kaxxa li laqat il-lasta. Żejtun skurjaw fis-37 minuta meta minn kross mix-xellug ta’ Neil Tabone, l-akkwist ta’ Jannar Adam SMEIR skorja bir-ras mill-viċin l-ewwel gowl tiegħu bil-flokk Żejtuni.

Ħames minuti mit-tmiem Zac Brincat laqat bil-minkeb lil Neil Tabone u ġie nnutat mir-raba’ uffiċjal Sandro Spiteri. Ir-referee Ismael Barbara wera l-karta ħamra diretta lis-sostitut żagħżugħ Mosti fost protesti ħorox mill-Mostin.

Bi plejer inqas Mosta rnexxielhom xorta jagħmlu l-iskor indaqs meta minn kross ta’ Thomas Veronese, Tyrone Farrugia kompla bir-ras lejn LEOZINHO li kien żmarkat u għeleb lill-gowlkiper Dunstan Zarb.

Żejtun irnexxielhom jerġgħu jmorru minn fuq żewġ minuti fuq id-disgħin minuta u b’hekk evitaw in-nofs siegħa żejda. Minn pass ta’ Diego Albanese minn tarf il-kaxxa, Johan CASTANO kien waħdu wkoll fil-kaxxa ż-żgħira u ma kellux tfixkil biex jiskorja l-gowl tar-rebħa li tefa’ lil Żejtun fil-kwarti tal-finali.