Internazzjonali

Franza: ‘L-Armla s-Sewda’ ikkundannata għal każi ta’ ivvelenar

Mara Franċiża mlaqqma ‘l-Armla s-Sewda tar-Riviera’ kienet ikkundannata għal 22 sena ħabs wara li qatlet żewġ irġiel anzjani bil-velenu, filwaqt li vvelenat lil żewġ persuni oħra.

Il-prosekuturi f’Nizza fissru lill-mara — Patricia Dagorn ta’ 57 sena — bħala ‘persuna bla skrupli u ħsiebha biss fl-interessi tagħha’.

Jidher  li Dagorn kellha l-ħsieb li ssir sinjura minn fuq l-irġiel li hi kienet taqbad magħhom permezz ta’ dating agency — fejn, allegatament, kienet titlob il-flus lill-maġġoranza tal-irġiel li ltaqgħet magħhom. Ingħad ukoll li l-‘Armla s-Sewda’ talbet uħud mill-irġiel biex ‘jaħsbu fiha fit-tfassil tat-testmenti tagħhom.’

Dagorn ċaħdet l-akkużi partikulari miġjuba kontra tagħha, meta hi kienet diġà qed tiskonta sentenza ta’ ħames snin ħabs għal serq u frodi.

Min-naħa tagħhom, il-Pulizija Franċiża fetħu mill-ġdid investigazzjoni fil-mewt, fl-2011, ta’ raġel ta’ 60 sena li kien qed jgħix ma’ Dagorn f’Nizza. Huma sabu pilloli tal-valium u dokumenti personali ta’ rġiel diferenti fost l-affarijiet personali tal-mara.

Intant, din is-sejba wasslet biex l-investigaturi jindagaw każ ieħor suspettat ta’ omiċidju — din id-darba ta’ raġel ta’ 85 sena li, fl-2011, instab mejjet fil-banju tad-dar, fl-inħawi ta’ Mouans-Sartoux, viċin Cannes.

Jidher li Patricia Dagorn, qabel, kienet sarrfet ċekk mingħand dan ir-raġel ekwivalenti għal 21,000 ewro. L-‘Armla s-Sewda’ qalet li dan il-flus kienu ‘rigal għaliha biex hi tkun tista’ tiftaħ ħanut tal-ġojjellerija.’