Lokali

Il-belt Valletta tieħu t-titlu ta’ Belt Kulturali Ewropea

Il-Belt Valletta ħadet it-titlu ta’ Belt Kulturali Ewropa, liema titlu se jġib miegħu diversi attivitajiet u avvenimenti kulturali fil-belt kapitali Maltija. Ħidma li ilha sejra sa mill-2010 meta saret l-applikazzjoni mil-Gvern Malti ta’ dak iż-żmien biex il-Belt tingħata it-titlu tal-Belt Kapitali Ewropea.

Il-ftuħ ufficjali taċ-ċelebrazzjonijiet beda f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi b’ċerimonja li matulha saru numru ta’ diskorsi tal-okkazjoni. Għaċ-ċerimonja attendew l-ogħola awtoritajiet tal-pajjiż, fosthom il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia u l-mara tiegħu Nickie Vella de Fremeaux.

F’diskors tal-okkazjoni, is-Sindku tal-Belt Valletta Alexei Dingli, fakkar kif biex wasalna s’hawn, kien hemm bżonn xejn inqas minn għaxar snin ta’ ħidma. “Dawn l-attivitajiet mhux biss se juru l-passat glorjuż tagħna, imma aktar importanti minn hekk, se jkunu xhieda ta’ fejn aħna sejrin bħala poplu. Il-Belt Valletta llum hija belt globali, taħlita ta’ kulturi differenti.”

Iċ-ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef tkellem mhux biss dwar iċ-ċelebrazzjonijiet, imma wkoll kif dawn l-attivitajiet se jagħtu qawmien lill-Belt.
“Dik li kienet sempliċiment ħolma issa hija realtà. Minn Belt traskurata li kienet sejra għall-agħar, inbidlet b’suċċess f’kapitali li tfur bil-ħajja, konxja tal-potenzjal kbir tagħha, lokali u internazzjonali. Il-Belt Valletta kienet ġojjell moħbi, li wara din is-sena mhux se jibqa’ moħbi.”

Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista, responsabbli mill-V18, ideskriva dan bħala era ġdida u eċċitanti għall-Belt Valletta imma wissa’ li m’għandniex inkunu sodisfatti u nieqfu ma’ dan l-avveniment.

“Dan hu avveniment tal-Maltin u l-Għawdxin kollha, mhux biss ta’ naħa jew oħra, u mhux biss tal-Belt Valletta. Il-Belt Valletta għaddiet minn perjodu pjuttost kwiet. Kienet saret qisha sit arkeoloġiku u storiku li tilef ħafna mill-ħajja li kellu fl-imgħoddi. Erġajna bdejna nemmnu li l-Belt Valletta tista’ terġa’ tkun ħajja. Għarafna li s-sitwazzjoni tista’ terġa’ tieħu r-ruħ.”

Il-Ministru Owen Bonnici, li taħtu taqa’ r-responsabbiltà tal-kultura’, fisser dan it-titlu bħala l-bidu tal-vjaġġ tant meraviljuż. “Irnexxielna nżommu l-karattru ta’ din il-belt unika, mibnija mill-Kavallieri ta’ Malta fis-seklu sittax. Valletta 2018 hija prova li l-kultura tista’ tbiddel l-affarijiet.”

Min-naħa tiegħu Tibor Navracsis, Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, Kulturà, Żgħażagħ u Sport, qal li t-titlu lil Malta jagħmel ħafna sens għax aħna pajjiż f’salib it-toroq ta’ diversi kulturi u tradizzjonijiet.

“Valletta 2018 tfakkarna li l-iżolament qatt m’huwa s-soluzzjoni. Dan pajjiż gżira li jinsab bejn kontinenti u kulturi, jurina li nistgħu biss nikbru billi jkollna mħuħ miftuħa, billi nsiru nafu lil xulxin u billi nifhmu d-differenzi tagħna – u naffermaw mill-ġdid dak li għandna komuni. Ifakkarna li s-saħħa tinsab fil-valuri komuni u fis-sens ta’ komunità.”

Dan filwaqt li l-Prim Ministru Joseph Muscat qal li matul Valletta 2018, il-marka ta’ din il-festa Maltija u Ewropea se tkun l-awtentiċità. “Il-Kapitali Ewropea tal-Kultura għas-sena 2018 hija opportunità. Opportunità biex nuru l-wirt li ħallew missirijietna u ommijietna li ħadmu biex isawru dan il-pajjiż kif inhu llum, biex nuru fuq livell Ewropew u globali, il-Belt Valletta kontemporanja tal-lum li fuq is-sisien tal-imgħoddi żviluppat aktar.”

Hu faħħar ukoll lill-predeċessuri tiegħu, b’mod speċjali Lawrence Gonzi, li taħt it-tmexxija tiegħu il-Belt kisbet dan it-titlu.

U l-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca, li fissret lilha nnifisha bħala onorata għaliha u għall-Maltin fil-bidu ta’ din is-sena kulturali, appellat lill-poplu biex jikkofnerma u jsaħħaħ il-fama tiegħu bħala poplu li jħobb il-paċi u s-solidarjetà.

Minn hawn, iċ-ċelebrazzjonijiet infirxu għat-toroq tal-Belt Valletta fejn spikka fuq kollox l-ispettaklu Erba’ Pjazez, jiġifieri fil-pjazez tat-Tritoni, Pjazza Kastilja, fil-pjazza ta’ quddiem il-Konkatidral ta’ San Ġwann kif ukoll fi Pjazza San Ġorġ. L-ispettaklu jikkonsisti mhux biss fi projezzjonijiet fuq il-faċċati tal-binjiet ewlenin f’dawn il-pjazez, imma wkoll xow ta’ akrobazija mad-dawra tal-funtana tat-tritoni.

Filgħaxija imbagħad, għall-ħabta tal-23:30, jibda party fi Pjazza San Ġorġ, fejn id-DJ Malti Tenishia, rinomat fuq livell internazzjonali, ingħaqad mal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali għal spettaklu ta’ mużika oriġinali.

Tista ssegwi LIVE hawn: http://www.facebook.com/Valletta2018/videos/1555346494550936/