Il-Liċeo tal-Ħamrun ingħata l-unur tal-Bandiera l-Ħadra, rikonoxximent mogħti lil skejjel li jkunu eċċellaw fl-inizjattivi tagħhom favur l-ambjent.
Fost l-inizjattivi li ħadu l-istudenti, hemm il-pubblikazzjoni ta’ ktieb tar-riċetti magħmula minn fdalijiet tal-ikel. Dan il-ktieb se jitqassam ukoll fost il-komunità tal-Ħamrun biex kemm jista’ jkun titnaqqas il-ħela.
Dan il-ktieb filfatt se jittella’ fi Praga, hekk kif se jsir forum dwar l-ikel, bl-istudenti, akkumpanjati minn għalliema tagħhom se jkunu jistgħu jirriklamaw il-proġett li għamlu.
Fost numru ta’ proġetti oħra li saru matul is-sena, kien hemm ukoll it-tindif ta’ żona mill-iskola, fejn kienet tintrema’ xi għamara antika. Din iż-żona minflok inbidlet fi ġnien, bit-tħawwil ta’ siġar lokali, u issa tista’ tintuża bħala żona għall-qari. L-istudenti ħadu ħsieb ukoll jagħmlu diversi filmati promozzjonali kontra l-ħela fl-ikel u r-rispett lejn l-ambjent.
Biex tkun iċċelebrata din il-kisba, fil-Liċeo saru diversi attivitajiet fosthom kant u żfin, kif ukoll qari ta’ poeżiji b’lingwi differenti iżda lkoll relatati mal-ambjent. Minbarra l-preżentazzjoni tal-Bandiera l-Ħadra, l-iskola ngħatat ukoll ktieb ippubblikat minn Nature Trust.
//= $special ?>
