Lokali

Malta Public Transport għandha nuqqas ta’ 300 xufier!

Malta Public Transport, il-kumpanija li tmexxi s-servizz tal-karozzi tal-linja f’pajjiżna, qed tipprova timla’ vojt ta’ iktar minn 300 xufier.

Minkejja li fl-aħħar jiem f’pajjiżna ntqal li n-nuqqas hu ta’ 100 xufier, ir-riklamar li qed isir barra minn pajjiżna juri xorta oħra. Filfatt jirriżulta li n-nuqqas ta’ ħaddiema u tliet darbiet iktar minn dak maħsub.

Riklam ippubblikat minn Pakistan Testing Service, fil-Pakistan, jgħid li Malta Public Transport trid 300 xufier ta’ eta bejn il-25 u l-40 sena. Jista’ jkun ukoll li dan ir-riklam qed jikser il-liġi fuq bażi ta’ diskriminazzjoni sesswali, għaliex wieħed isib miktub speċifikament li x-xufiera jridu jkunu rġiel.

Fl-istess riklam, wieħed isib ukoll li tingħata preferenza, iżda ma jingħadx li hi obbligatorja, li l-applikanti jkunu jafu jikkomunikaw bl-Ingliż. Din diġa hi problema li teżisti, hekk kif ħafna mix-xufiera barranin, b’mod speċjali Taljani, ingaġġati fl-aħħar xhur m’għandomx livell tajjeb ta’ Ingliż.

Dan il-vojt fil-ħaddiema qed iħalli impatt qawwi fuq is-servizz tal-linja f’pajjiżna tant li fl-aħħar jiem daħlu diversi rapporti ta’ rotot li ma sarux. Biex titnaqqas din il-problema ta’ nuqqas ta’ xufiera, fl-aħħar snin kienet tnaqqset ukoll il-frekwenza ta’ diversi rotot, fosthom dawk lejn Tas-Sliema u San Ġiljan b’kull rotta li minn waħda kull għaxar minuti niżlet għal waħda kull għoxrin minuta.

Kawża ta’ dan, saret xi ħaġa komuni li f’diversi ħinijiet mal-ġurnata l-passiġġieri jkunu ppakkjati sal-windscreen b’periklu għalihom f’każ ta’ inċident.