Lokali

RITRATTI: Karozza tal-linja tqaċċat it-traffic lights fil-Blata l-Bajda

Karozza tal-linja li minn Bieb il-Bombi kienet qed tinstaq lejn Triq Diċembru Tlettax qaċċtet it-traffic lights li jinsabu biswit il-kappella tal-Madonna tal-Midalja Mirakoluża, fil-Blata l-Bajda.

Jirriżulta li meta x-xufier kien qed jipprepara biex jieqaf fil-bus stop Blata l-Bajda 4, hu laqat it-traffic lights bil-mera, bil-konsegwenza li kemm il-mera kif ukoll it-traffic lights tqaċċtu.

Fuq il-post waqfet vettura tal-Pulizija biex l-uffiċjali jaraw jekk hemmx bżonn tal-assistenza tagħhom.  Iktar tard il-karozza tal-linja tneħħiet mill-post u nħarġet mis-servizz. F’dan l-inċident ma weġġa’ ħadd iżda t-traffic lights, li huma frekwentati ħafna f’din it-triq traffikuża minn persuni li jridu jaqbdu waħda minn diversi rotot, bħalissa mhux jaħdmu.

Ta’ min ifakkar li ladarba t-traffic lights mhux jaħdmu, japplikaw ir-regoli tat-triq fejn f’dan il-każ persuni li jridu jaqsmu minn hawn għandhom jingħataw preċedenza. Dan hekk kif bil-liġi, minflok traffic lights issa l-post jitqies daqs li kieku hemm zebra crossing.