Lokali

San Publju ċċelebrat f’Burmarrad

"Fl-inħawi kien hemm l-oqsma tal-prinċep tal-gżira" - Atti 28:7

Għada l-Assoċjazzjoni Publiju ta’ Malta għall-ewwel darba se torganizza festa ad unur San Publju f’Burmarrad; il-post fejn it-tradizzjoni tgħid li ġġarraf il-vapur li kien fuqu San Pawl.

Apparti li hija okkażjoni unika ta’ tixrid ta’ devozzjoni, din l-attività se tkun ukoll informattiva għall-pubbliku. L-istorja tal-lok ta’ San Pawl Milqi m’hijiex biss tradizzjoni. Mark Gatt se jkun qed jagħti informazzjoni dwar kif l-evidenza li nstabet f’qiegħ il-baħar taqbel preċiżament mad-deskrizzjoni li jagħtina San Luqa fl-Atti tal-Appostli.

L-isem “Bur Marrad” u l-fatt illi ġeografikament l-ilma kien jidħol sa kważi fejn hemm il-Knisja tal-istess raħal illum jispjega wkoll il-fatt għala missier Publju (li ġie mfejjaq ma’ San Pawl) ġie mfejjaq mid-dissenterija – mard li jiġi mill-ilma qiegħed. Hemm ukoll biċċiet mill-Villa Rumana, f’San Pawl Milqi li tfakkar fl-episodju meta San Pawl ġie milqugħ minn San Publju.

Bi statwa ta’ San Publju se ssir purċissjoni li se titlaq mill-Knisja ta’ San Pawl fid-8.45am. Minn hemm terħila għall-kappella ta’ San Pawl Milqi. Hemm Mark Gatt se jagħti taħdita dwar is-sit. Il-purċissjoni flimkien mar-relikwa tal-Qaddis terħilha lura għall-Knisja Parrokkjali ta’ Burmarrad fejn issir Quddiesa fl-10am.

Attività oħra li se ttella’ l-Assoċjazzjoni hija Kunċert Klassiku nhar is-26 ta’ Jannar. Il-kunċert se jsir permezz ta’ orgni li jmur lura għal 1752 maħdum minn Annibale Lo Bianco. L-orgni uniku f’Malta jinsab fil-Mużew Wignacourt fir-Rabat. Matul dan il-kunċert se jindaqqu diversi siltiet mużikali fosthom ta’ Mozart, Haendel, Bach, Gluck u Pergolesi.

Il-festa liturġika ta’ San Publju tkun iċċelebrata nhar it-Tnejn li ġej 22 ta’ Jannar. Din il-festa skont il-kalendarju tal-knisja kattolika tkun iċċelebrata bil-kbir fil-Knisja Arċipretali tal-Floriana, hekk kif issir quddiesa b’risq il-patrun ta’ Malta u tal-lokal. Intant il-festa ta’ San Publju fil-Floriana ta’ din is-sena se tkun iċċelebrata nhar il-Ħadd 15 t’April.