Lokali

Wara li l-MUT ħabbret strajk fl-MCAST … l-istudenti se jagħmlu protesta

It-Tnejn li ġej l-istudenti fl-MCAST mistennija jagħmlu protesta paċifika u silenzjuża wara li l-edukaturi tagħhom ħabbru diversi direttivi li fost l-oħrajn jinkludu wkoll strajk ta’ sagħtejn bejn l-10am u 12pm għall-Ħamis u l-Ġimgħa li ġejjin.

Fi stqarrija, l-MUT qalet li ordnat dawn l-azzjonijiet wara li, minkejja diversi laqgħat intensivi bejn l-MUT, it-tmexxija tal-MCAST u s-Sezzjoni tar-Relazzjonijiet Industrijali, m’hemmx rieda biex jintlaħaq ftehim ħalli l-Edukaturi jingħataw dak li hu tagħhom.

B’reazzjoni għal dan, l-għaqda studenteska SDM esprimiet id-diżappunt tagħha lejn iż-zewġ partijiet involuti “fuq it-trattament tal-istudenti tal-MCAST li qegħdin jintużaw bħala għodda għan-negozjati. L-istudenti reġgħu qed jiżfnu fin-nofs u ammont ta’ studenti li qegħdin fl-aħħar sena tal-istudju, issa għandhom dubji fuq il-futur tagħhom minħabba l-azzjoni industrijali proposta mill-MUT.”

Dan filwaqt li l-Pulse talbet lill-istudenti biex jattendu għall-protesta tat-Tnejn li ġej, minabarra talba għal laqgħa urġenti mal-amministrazzjoni tal-MCAST biex tiżdied l-estensjoni tal-perjodu li fih iridu jgħaddu x-xogħol tagħhom lill-għalliema.

Fi grupp fuq Facebook, l-istudenti saħansitra qed jissuġġerixxu li huma wkoll joħorġu bi strajk, fejn fost l-oħrajn semmew il-possibbiltà li huma wkoll ma jattendux għal-lezzjonijiet.

Il-kwistjoni qed toħloq ħafna pressjoni fuq l-istudenti hekk kif dan kollu qed iseħħ biss ġimgħatejn qabel l-eżamijiet.