Ħamsin membru ta’ grupp kriminali, uħud minnhom Belġjani u oħrajn Olandiżi, ġew arrestati fil-Belġju.
L-arresti saru wara qabda kbira ta’ kannabis, kokaina u droga sintetika li skont rapporti kienet indirizzata lejn Malta. Dan wara investigazzjoni konġunta bejn l-awtoritajiet Belġjani u dawk Olandiżi.
Matul l-investigazzjoni, inkixfet ħidma kbira tal-produzzjoni tad-droga, tant li kienu sekwestrati tliet laboratorji tal-amfetamina f’Ham u Hamont-Achel, kif ukoll 3,000 pjanta tal-kannabis matura u 700 pjanta oħra żgħira f’Heist-op-den-Berg, Wuustwezel u Hoogstraten.
Waqt is-sekwestru, instabu wkoll diversi vetturi użati għat-traffikar tad-droga, tant li kienu armati b’tali mod li fiha tinżamm id-droga. Dawn kienu mgħobbija bid-droga kannabis u kokaina lesta biex tiġi traffikata lejn Malta.
Dan minbarra li l-uffiċjali, waqt tiftix fir-residenzi ta’ dawk arrestati, sabu wkoll armi tan-nar u armi oħra llegali, computers, telephones u flus relatati mat-traffikar tad-droga u attivitajiet illegali oħra, kif ukoll nofs kilo splussiv.
L-investigazzjoni ilha għaddejja iktar minn sena u nofs meta l-Aġenzija Federali għas-Sigurtà fl-Ikel (FASFC) qajmet suspetti fuq kumpanija tas-sapun f’Lommel, li kienet qed tagħmel ordnijiet ferm ikbar min-normal għal numru ta’ kimiċi differenti. Hu maħsub li l-iskop kien li din il-kimika tintuża għall-produzzjoni tad-droga sintetika.
Filfatt fl-Olanda ġiet sekwestrata kimika li hi biżżejjed biex tiġi prodotta mal-400,000 kilo ta’ droga sintetika. Dan minbarra 52,280 litru ta’ skart li jirriżulta mill-produzzjoni tad-droga sintetika.
Hu maħsub li l-mexxej tal-organizzazzjoni kriminali hu Willeborder John H., ta’ sittin sena, li kien ġie arrestat f’Scheveninger fl-20 ta’ Diċembru li għadda waqt tranżazzjoni ta’ 50 kilo kokaina li nkixfet meta l-uffiċjali tal-pulizija kienu infiltraw l-organizzazzjoni.
John H. hu magħruf sew mal-Pulizija fl-Olanda, tant li fl-2003 ingħata sentenza ta’ 11-il sena ħabs fuq akkużi ta’ produzzjoni u traffikar tad-droga. Kien ordnat iħallas ukoll multa ta’ €800,000. Dan wara li nstab li kien qed jipproduċi ammonti kbar ta’ droga exstacy fi stalel fi Brabant waqt li fis-snin disgħin mexxa’ grupp kriminali magħruf bħala York. Hu kien inqabad meta aġent sigriet Iżraeljan infiltra dan in-netwerk internazzjonali.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, intqal li l-investigazzjonijiet tmexxew minn xejn inqas minn 15-il investigatur li fuq perjodu ta’ sena u nofs ħadmu għal total ta’ 27,000 siegħa ta’ investigazzjonijiet u saru mal-ħamsin arrest.
Parti mill-ħidma kienet qed issir ukoll bil-kollaborazzjoni tal-Pulizija f’pajjiżna tant li fl-20 ta’ Ġunju li għadda nżammu taħt arrest żewġ Belġjani u żewġ Maltin li kienu parti mill-istess grupp kriminali ta’ traffikar tad-droga.
Carine Rose-Marijke Donckers ta’ 51 sena u Johnny Jos Haest ta’ 46 sena kienu ntbagħtu 19-il sena ħabs wara li nstabu ħatja ta’ traffikar ta’ droga kokaina u kannabis b’kollaborazzjoni ma’ żewġ Maltin oħra.
//= $special ?>