Futbol Sport

FA TROPHY – Gowl kmieni jiddeċiedi konfront kwiet

Valletta tħabtu ferm aktar milli kien mistenni biex rebħu 1-0 kontra Pietà (Ritratt– Dominic Borg)

Stewart Said

PIETÀ H…………0
VALLETTA…….1

Gowl wara biss żewġ minuti għamel id-differenza kollha hekk kif Valletta għaddew għall-kwarti tal-finali tal-FA Trophy b’rebħa ta’ 1-0 fuq it-tim tal-Ewwel Diviżjoni Pietà Hotspurs. Partita fqira b’Valletta dejjem fil-kontroll tal-logħba iżda naqsu li jassiguraw ir-rebħa b’diversi okkażjonijiet fl-ewwel taqsima.

Fit-tieni taqsima baqgħu fil-kontroll iżda naqsu milli jkunu perikolużi, b’Pietà qatt ma jkunu ta’ periklu għad-difiża Beltija. Għal Valletta din kienet ir-raba’ rebħa konsekuttiva bl-iskor ta’ 1-0, wara rebħiet kontra Mosta, Senglea u Naxxar fil-kampjonat.

Pietà minkejja li spiċċaw fuq in-naħa telliefa probabbilment ikunu sodisfatti mill-prestazzjoni tagħhom għaliex illimitaw id-danni kontra avversarji kwotati aktar minnhom.
Valletta fetħu l-iskor wara biss żewġ minuti meta minn azzjoni ta’ korner, il-ballun spiċċa fid-direzzjoni tal-captain Ryan CAMILLERI li b’xutt b’saħħtu fil-baxx għeleb lil Miguel Montfort. Tliet minuti wara, Valletta marru qrib it-tieni gowl meta minn free-kick mil-lemin ta’ Miguel Alba, għola tajjeb Steve Borg iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu għaddiet ftit għoli.

Okkażjoni oħra għal Valletta fit-tmien minuta meta Alba mix-xellug sab lil Santiago Malano fil-kaxxa iżda l-konklużjoni tiegħu mill-viċin għaddiet għoli. Pietà pruvaw ikunu perikolużi b’żewġ tentattivi ta’ Neil Pace Cocks. L-ewwel prova bi free-kick li kien salvat mingħajr problemi u seba’ minuti wara prova b’xutt minn barra l-kaxxa li għadda għoli.

Valletta baqgħu jikkmandaw il-logħba man-nofs siegħa logħob Alba għamel l-impossibbli meta xeħet għoli mill-viċin wara kross ta’ Kyrian Nwoko. Żewġ minuti wara, daqqa ta’ ras ta’ Ibrahim Saleh għaddiet għoli, biex fis-36 minuta xutt ta’ Uchenna Umeh kien imxellef għal korner.

Mill-istess korner, ix-xutt ta’ Ryan Camilleri għadda barra, f’azzjoni simili għall-ewwel gowl. L-aħħar ċans Belti tat-taqsima wasal fit-43 minuta, b’xutt djagonali fil-baxx ta’ Miguel Alba li għadda ftit barra.
It-tieni taqsima kompliet tonqos mir-ritmu b’Valletta jibqgħu jikmandaw iżda ftit ikunu perikolużi. Kyrian Nwoko mar viċin li jirdoppja fit-53 minuta meta daħal tajjeb għal kross ta’ Umeh, iżda x-xutt tiegħu kien salvat minn Montfort.

Ċans ieħor għal Valletta fis-66 minuta b’konklużjoni tas-sostitut Michael Mifsud minn pożizzjoni angolata li kienet salvat mill-gowlkiper avversarju. Ħames minuti wara, reġa’ kien Nwoko li prova b’ġest akrobatiku minn korner iżda t-tentattiv tiegħu għadda barra.

Minuta minn tmiem il-ħin regolamentari, Claudio Pani prova b’xutt minn barra l-kaxxa li deher destinat fix-xibka, iżda x-xutt ta biss l-illużjoni tal-gowl.