Futbol Sport

FA TROPHY – Żewġ gowls kmieni jwittu t-triq għal rebħa Pawlista

Hibs eliminaw lit-tim Għawdxi ta’ Xewkija (Ritratti – Dominic Borg)

Stewart Said

HIBERNIANS………….3
XEWKIJA T…………….0

Żewġ gowls fil-bidu tal-logħba wittew it-triq għal rebħa komda ta’ Hibernians li għelbu lil Xewkija Tigers 3-0. Rebħa li kienet meritata minkejja li għamlu ftit aktar minn siegħa b’raġel anqas, bit-tim ta’ Mark Miller jikkontrolla l-logħba, anki jekk il-ballun mhux bilfors kien f’saqajhom.
Xewkija offrew sfida kif setgħu, bl-aħjar mumenti tagħhom ikunu fl-ewwel kwarta tal-logħba li kienet il-furja tal-bidu. Iżda mal-gowl ta’ Hibernians u t-tieni wieħed li wasal ftit wara, Xewkija naqsu li jkunu biżżejjed perikolużi biex jerġgħu jidħlu fil-logħba.

Hibernians heddew l-ewwel li jiftħu l-iskor wara tmien minuti b’xutt b’saħħtu minn barra l-kaxxa ta’ Bjorn Kristensen li kien blokkat tajjeb b’żewġ idejn minn Franklin Vella. Xewkija kienu perikolużi tliet minuti wara, b’korner indirizzat għal-lasta ta’ Shaun Bajada li l-gowlkiper Rudy Briffa naqas li jaħtaf kif mixtieq, bil-ballun jaħbat mal-art u jkun mbiegħed minn Andrei Agius.

Il-Pawlisti fetħu l-iskor fis-16-il minuta b’ħarba tajba mal-lemin ta’ Joseph Mbong li bi kross tajjeb sab lil Joao MOREIRA li b’daqqa ta’ ras fuq il-ġirja għeleb lil Vella. L-iskor sar 2-0 erba’ minuti wara. Mbong reġa’ kien fl-azzjoni meta b’passaġġ vertikali fl-ispazju ta ballun fuq platt lil Jurgen DEGABRIELE li minn qagħda ideali spara wara Vella.

Hibernians sofrew daqqa ta’ ħarta fis-27 minuta meta r-referee Darryl Agius wera l-karta l-ħamra lill-attakkant Joao Moreira wara li deher jimbotta lil Manuel Xerri. B’vantaġġ numeriku, Xewkija pruvaw javvanzaw aktar iżda għajr xutt fil-baxx ta’ Stojanovic li għadda ftit barra fis-36 minuta, ma kinux perikolużi.

It-tim Għawdxi beda t-tieni taqsima fuq l-attakk u kellu ċans tajjeb fl-ewwel minuta. Kien korner mix-xellug ta’ Shaun Bajada, il-ballun baqa’ għand il-plejers ta’ Xewkija, bl-ewwel xutt ta’ Dene Shields ikun imblokkat, u żewġ konklużjonijiet ta’ Stojanovic kienu blokkati wkoll mid-difiża ta’ Hibernians, b’Dunstan Vella jkun providenzjali f’xutt minnhom.

Shaun Bajada prova b’xutt mill-bogħod fil-50 minuta li kien newtralizzat, biex ftit sekondi wara fuq in-naħa l-oħra Jurgen Degabriele kellu xutt salvat tajjeb minn Vella wara li rċieva mingħand Johann Bezzina.
Il-logħba naqset mir-ritmu tagħha, b’Hibernians jirnexxielhom jagħmlu l-iskor 3-0 fis-70 minuta. Martin Kreuzriegler qassam fl-ispazju lejn is-sostitut Clayton Failla li krossja fil-baxx lejn Jurgen DEGABRIELE li b’intelliġenza evita difensur u minn qagħda favorevoli għeleb lil Vella b’xutt tajjeb.

Xewkija baqgħu jippruvaw tal-anqas isibu x-xibka fl-aħħar 20 minuta u saħansitra skorjaw fi tliet okkażjonijiet, iżda f’dawn l-okkażjonijiet l-assistent referee Peter Abela kien korrett fid-deċiżjonijiet tiegħu.