Lokali

Familja Russa tixtri ċ-ċittadinanza Maltija mingħand il-Gvern Malti

Id-dħul finanzjarju dikjarat uffiċjalment jistona mal-istil ta’ ħajja li tgħix

Fl-aħħar ġimagħtejn, il-gazzetta il-mument ippubblikat analiżi dettaljata b’lista ta’ ismijiet ta’ barranin, uħud minnhom familji sħaħ, partikolarment dawk ġejjin mill-Arabja Sawdija u mir-Russja, li xtraw iċ-ċittadinanza Maltija wara li ħallsu €650,000 lill-Gvern Malti. F’din il-lista tispikka l-familja Russa bil-kunjom Mishin, li minn rapport ippubblikat mis-sit elettroniku rucriminal.com jitqanqlu ħafna mistoqsijiet u suspetti fuq jekk familji bħal dawn humiex jonoraw il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fil-liġi li tippermetti x-xiri taċ-ċittadinanza Maltija.

Gleb Mishin, l-eks-Kap tal-Uffiċċju tal-kumpanija Lenovo fir-Russja, huwa sid ta’ proprjetà fir-Russja, fi Franza u fl-Ingilterra. Martu tivvjaġġa b’ħelikopters privati, u jista’ jingħad li għandha car park sħiħ, minħabba  l-vetturi ta’ kull għamla fuq stil cabriolet li ta’ spiss issuq.

Skont is-sit elettroniku rucriminal.com, id-dħul finanzjarju uffiċjali tiegħu ma jiġġustifikax l-istil ta’ ħajja li jgħix. Dan is-sit elettroniku jsostni li lil Mishin issibu dejjem “f’konnessjoni” u qrib fondi dawk finanzjarji ta’ kumpaniji li hu jaħdem magħhom. Hu nnutat li Mishin ta’ spiss ibiddel ix-xogħlijiet tiegħu.

Fit-23 ta’ Mejju ta’ din is-sena, ikompli jirrapporta rucriminal.com, Mishin inħatar Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Candy Hoover fir-Russja. Huwa ġie fdat biex jiżviluppa l-istrateġija għall-iżvilupp tal-kumpanija fis-swieq mifruxa mar-Russja u mal-pajjiżi l-oħra li huma parti mill-Commonwealth of Independent States (CIS) – l-Ażerbajġan, l-Armenja, il-Belarus, il-Każakistan, il-Kyrgyzstan, il-Moldova, it-Taġikistan, it-Turkmenistan, l-Użbekistan u l-Ukrajna.

Meta jitqies li tul il-karriera tiegħu, Mishin kien involut fil-manifattura tal-kompjuters, tqanqlu ħafna mistoqsijiet dwar kif spiċċa għamel transizzjoni għal settur li m’għandux x’jaqsam fejn jidħlu l-vacuum cleaners u l-washing machines.

Aktar mistoqsijiet fil-konfront ta’ Gleb Mishin iduru wkoll ma’ ċirkostanzi ta’ miżapproprjazzjoni fil-kumpanija Lenova u l-akkuża tas-Servizz Federali kontra l-Monopolju li l-kumpanija Lenovo flimkien ma’ Hewlett-Packard kienu ddeċidew il-prezzijiet u/jew il-kwantità biex jinfurzaw id-deċiżjoni fix-xiri ta’ kompjuters mill-istat.

Skont is-sit rucriminal.com, il-karriera ta’ Gleb Mishin bdiet fl-uffiċċju rappreżentattiv fir-Russja tal-kumpanija Acer fejn kien iltaqa’ mal-President Gianfranco Lanci. Dan il-kuntatt żviluppa fi ħbiberija ta’ fiduċja, kordjali ħafna, tant li kienet fuq fomm kulħadd fi ħdan ir-rappreżentazzjoni Russa tal-kumpanija Acer u fost negozjanti msieħba oħra. Fuq il-bażi ta’ din il-ħbiberija ma’ Lanci, Mishin kompla javvanza fil-karriera tant li spiċċa biex bena tim stabbli li kien jadurah. Eventwalment, l-attivitajiet kollha tar-rappreżentazzjoni tal-kumpanija Acer fir-Russja spiċċaw taħt il-kontroll ta’ Gleb, inkluż l-aspett finanzjarju. Pjuttost, kien it-Taljan Gianfranco Lanci li ppropona kif għandhom jiżdiedu l-ispejjeż waqt li jinħbew ċerti profitti.

Imbagħad, Gianfranco għamel manuvra fejn b’suċċess kbir beda jattira dħul finanzjarju mhux ‘skedat’ bl-għajnuna ta’ martu, li kellha l-kontroll tar-reklamar tal-kumpanija Acer.

Iżda fl-2012, il-karriera ta’ Mishin kienet kważi kkrollat. Gianfranco Lanci spiċċa biex iġġieled mas-sidien ta’ Acer minħabba li ma kienx aċċetta li jibgħat prodotti korporattivi u minflok iffoka fuq soluzzjonijiet għal konsum. Is-sidien ta’ Acer b’mod diplomatiku talbu lit-Taljan biex jitlaq mill-kumpanija filwaqt li Gleb Mishin spiċċa bla appoġġ. Madankollu, il-ħbiberija ma’ Lanci rriżultat li kienet b’saħħitha sew u li t-tnejn setgħu joqogħdu fuq xulxin. Lanci spiċċa b’kariga maniġerjali għolja fil-kumpanija Lenovo, u miegħu ħa wkoll lil Mishin. F’April tal-2012, hu nħatar Viċi President u General Manager ta’ Lenovo fir-Russja, fis-CIS u fl-Ewropa tal-Lvant. Minnufih Gleb ħa t-tim tiegħu minn mal-kumpanija Acer. Dan kollu dam madwar ħames snin sakemm Mishin kien sfurzat jitlaq mill-kumpanija. Madankollu, Lanci mill-ewwel sablu post – kariga ġdida bħala Kap tat-Taqsima fir-Russja tal-kumpanija Candy Hoover.

F’kull post tax-xogħol li kien, is-salarju annwali ta’ Mishin ma kienx xi wieħed kbir ħafna fis-sens li jista’ jiġġustifika l-istil ta’ ħajja. Grazzi għall-ħidma ma’ Lanci, xi ħadd minn Rybinsk xtralu dar lussuża f’Cote d’Azur fi Franza, diversi appartamenti f’Moska, u appartament fl-Ingilterra fejn iż-żewġ uliedu bniet qegħdin jistudjaw. Hu stmat li f’dik li hi proprjetà biss, il-familja Mishin għandha ’l fuq minn €5 miljun.

Tispikka wkoll martu Svetlana, li wkoll xtrat iċ-ċittadinanza Maltija bħal żewġha u ż-żewġ uliedha Katerina u Maria. Hija tgħix ħajja soċjevoli ħafna, fejn f’divertiment huwa rrappurtat li tonfoq il-mijiet tal-eluf.

Skont is-sit elettroniku rucriminal.com, normalment hi tgħaddi żmien mix-xhur tar-rebbiegħa u tal-ħarifa f’Londra – minn restorant għal ieħor fl-aktar lukandi għolja, b’xiri mill-kumpless Harrods, b’mixjiet f’Hyde Park u ma tonqosx ukoll il-preżenza tagħha f’wirjiet tal-moda jew fi prestazzjonijiet ta’ ċelebritajiet Russi bħall-grupp ‘Leningrad’ jew residenti tal-Comedy Club.

Iżda mal-iċken ħin liberu li ssib, partikolarment fix-xhur tas-sajf, Svetlana tivvjaġġa lejn Cote d’Azur. Hemmhekk ħadd ma jwaqqafha! Mishina żżomm ruħha okkupata bi vjaġġi f’vetturi lussużi għal laqgħat ma’ ħbieb fl-aqwa ristoranti u fuq jottijiet, u ma titlifx festini bis-sehem ta’ artisti popolari mid-dinja tal-Punent f’Monte Carlo u f’Cannes, fost inħawi oħrajn.

Fi żmien l-istaġun xitwi, lil Svetlana erħilha tmur bil-ħelikopter lejn Courchevel, fejn issib jilqagħha chalet mill-aktar lussużi. U hawn tissokta wkoll l-istess ħajja li hija mdorrija biha f’Cote d’Azur – parties ta’ lussu, ikel rikk fejn jiddomina l-kavjar iswed kumplimentat bix-xampanja, u huwa stmat li tonfoq mijiet ta’ eluf ta’ dollari f’xiri bla rażan.

Ħafna mill-infiq tagħha jmur fix-xiri ta’ basktijiet li jiswew eluf kbar, ġojjellerija u ħwejjeġ ta’ ditti rinomati. Dan l-aħħar, Svetlana ddeċidiet li timita l-istil ta’ Melania Trump – il-mara tal-President Amerikan Donald Trump. Il-mara tal-eks-Kap tal-Uffiċċju tal-kumpanija Lenovo fir-Russja xtrat l-istess libsa sewda mingħand Dolce & Gabbana, li tiswa $3,000.

Meta wieħed josserva n-nefqa u l-istil ta’ ħajja li tgħix Svetlana Mishina, mill-ewwel jaħseb li din mhijiex il-mara ta’ manager modest li jbiddel il-post tax-xogħol minn wieħed għal ieħor! Ta’ min jinnota kif inhu rrappurtat minn dan is-sit elettroniku, li Gleb Mishin mhuwiex xi wieħed li jiftaħar bil-ġid li għandu, tant li hu jipprova li kemm jista’ jkun ftit nies ikunu jafu dwaru. Tant hu hekk, li fost l-eluf ta’ ritratti li martu Svetlana tippubblika fuq is-siti soċjali, dak li jkun isib ritratt wieħed tiegħu magħha.