Lokali

FILMAT: il-ftuħ tal-Valletta 2018 kien wirja ta’ proġetti ta’ ħidma preċedenti ta’ Gvern Nazzjonalista – Adrian Delia, Kap tal-PN

 

L-għada li Malta ċċellebrat il-ftuħ tal-Valletta 2018, f’diskors li għamel fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista ta’ San Pawl il-Baħar, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia semma kif dan kollu sar possibbli grazzi għall-ħidma preċedenti ta’ Gvern Nazzjonalista.

Għall-kuntrarju ta’ dan, Adrian Delia sostna li l-proġetti tal-Partit Laburista fil-Gvern ma jagħmlux unur lil pajjiżna u jtellfulha r-reputazzjoni ta’ ċentru t’eċċellenza li kien kiseb pajjiżna, fosthom l-Università Amerikana, investiment ta’ kuntrattur b’intenzjoni speċifika biss jieħu l-aqwa art tagħna.

Bl-istess mod, il-Gvern mhu juri rispett ta’ xejn fil-qasam tal-edukazzjoni fejn m’għandniex edukaturi biex it-tfal jingħataw edukazzjoni għall-futur ta’ pajjiżna. Bl-istess mod ukoll, il-Gvern qed jumilja lil Malta u Għawdex fil-qasam tas-saħħa.

Matul id-diskors tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rrefera ukoll għas-sitwazzjoni fil-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li minnha ħarġet il-lealtà lejn il-Partit Nazzjonalista. Fid-dawl ta’ dan, Adrian Delia semma kif il-Partit Nazzjonalista hu dejjem fuq in-naħa t-tajba tad-demokrazija.