Il-Ġermanja avviċinat pass ieħor lejn Gvern ġdid wara li l-Partit SPD (Soċjal Demokratiku) taċ-ċentru-xellug appoġġja, b’ammont ta’ kawtela, l-impenn għat-tiġdid ta’ ‘koalizzjoni kbira’ taħt it-tmexxija tal-Kanċillier Ġermaniż, Angela Merkel.
L-iżvilupp seħħ waqt kungress speċjali tal-SPD f’Bonn fejn id-diskors tal-Kap, Martin Schulz, intlaqa’ b’xi applawż sarkastiku minn uħud u fejn id-delegati tal-partit, sa fl-aħħar, taw il-kunsens (bil-vot) għat-tieni u l-aħħar fażi tat-taħditiet ta’ koalizzjoni mal-Partit CDU (taċ-ċentru-lemin) immexxi minn Merkel.
Wara ġimgħa fejn ipprova jkattar l-appoġġ għal din il-koalizzjoni, Schulz tenna li ‘l-SPD għandu jibqa’ viżibbli u entità magħrufa mal-elettorat’.
Iżda waqt li Schulz tenna l-ħtieġa ‘għal deċiżjonijiet importanti issa’, is-600 delegat tal-SPD baqgħu, fil-parti kbira, riservati waqt id-diskors tiegħu. Dan waqt li spikka wkoll id-diżgwid bejn id-delegati dwar il-pass li jmiss.
Fl-elezzjonijiet nazzjonali ta’ Settembru fil-Ġermanja, l-SPD kien ġarrab l-agħar riżultat mindu l-pajjiż sar repubblika federali, fl-1949.
Fl-istess ħin, ħafna sostenituri tal-partit jemmnu li l-SPD għandu jgħaddi minn riforma u ristrutturizzazzjoni fis-snin li ġejjin.
Il-Kanċillier Merkel qalet, sadanittant, li trid tikkonkludi n-negozjati għal koalizzjoni sat-12 ta’ Frar. Jekk jirnexxu n-negozjati u Merkel ikollha maġġoranza assoluta fil-Bundestag ( Parlament) biex iżżomm postha bħala Kanċillier, hu possibbli li hi tibda’ ir-raba’ mandat ta’ poter konsekuttiv qabel il-festi tal-Għid.
//= $special ?>

