Internazzjonali

Il-militar Tork jinsisti bl-offensiva kontra milizzji Kurdi fis-Sirja

Is-suldati tat-Turkija komplew javvanzaw fil-belt Sirjana ta’ Afrin, bl-Armata Torka anki żżid l-attakki bl-artillerija fuq il-milizzji Kurdi, li huma appoġġjati mill-Istati Uniti, fl-inħawi tal-fruntiera.

Il-Prim Ministru Torik, Binali Yildirim, ikkonferma li t-truppi ta’ pajjiżu kienu għaddejjin bl-offensiva fl-art tas-Sirja proprja u li ‘din il-missjoni militari qed taqbad ir-ritmu’. Yildirim spjega li l-kampanja militari qed tikkonċentra fuq kwalunkwe ‘mezzi ta’ appoġġ lit-terroristi’ f’Afrin.

Il-Gvern Tork qal li hemm bejn 8,000 u 10,000 militanti f’Afrin u li t-Turkija tinsab determinata biex ‘ittemm kull preżenza u attività ta’ terroristi f’dik iz-zona’.

Il-Prim Ministru Yildirim żvela, intant, li t-Turkija qed taħseb biex toħloq zona tas-sigurtà li għandha testendi sa 30 kilometru għal ġor-reġjun Sirjan ta’ Afrin.

Il-milizzji YPG Sirjani-Kurdi, li għandhom l-appoġġ tal-Amerikani, huma meqjusa bħala membri ta’ entità terroristika mit-Turkija. Intant, kelliema għall-milizzji qalu li kienu tefgħu lura lill-qawwiet Torok, kif ukoll lir-ribelli alleati ma’ Ankara, wara sensiela ta’ konfronti ħorox.

L-aħħar ġlied ikkaratterizza t-tieni jum tal-kumbattimenti f’dan  it-tieni front ġdid li t-Turkija fetħet fil-gwerra ċivili Sirjana li ilha għaddejja għal kważi seba’ snin.