Lokali

FILMAT: Jilmentaw dwar kaos fit-trasport pubbliku – 10 persuni arrestati fil-Floriana

Hekk kif is-Sibt filgħaxija eluf ta’ persuni nġabru fil-Belt Valletta għall-ftuħ uffiċjali tal-Valletta 2018 bħala Kapitali Ewropea tal-Kultura, bosta nies ilmentaw dwar is-servizz tat-trasport pubbliku – hekk kif fil-Furjana nħoloq kaos liema bħalu.

Persuni li tkellmu ma’ Net News saħqu li għalkemm l-viżitaturi kienu mħeġġa jużaw it-trasport pubbliku lejn il-Kapitali u lura għad-dar – bosta kellhom jimxuha lejn Triq Sant’Anna fil-Furjana, hekk kif it-Terminus tal-Foss ta’ San Ġakbu ma kienx aċċessibli minħabba l-palk u l-eżebituri.

Dawn komplew jirrakkontaw li wara mixja bl-għeruq u xniexel, irrealizzaw li kien hemm ħafna inqas vetturi sabiex ilaħqu mad-domanda qawwija ta’ passiġġieri. Bosta saħqu li, bħal ma jixhdu l-filmati, wara sagħtejn jistennew tal-linja, in-nies infexxew jiġġieldu sabiex jaraw minn tiela l-ewwel, b’riskju li jweġġgħu wkoll it-tfal. Numru ta’ persuni fuq il-midja soċjali saħqu li kemm it-tfal kif ukoll l-anzjani kienu f’periklu kbir li jweġġgħu kawża tar-rassa kbira li nġemgħat. Intant, mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li mal-10 persuni ġew avviċinati mill-Pulizija sakemm ġiet ikkalmatha s-sitwazzjoni.

Oħrajn pero esprimew is-sodisfazzjon tagħhom bis-servizz tal-Ferries bejn il-Belt Valletta u l-Kottonera.