Lokali

Joseph Muscat jorganizza l-attivita’ politika fil-klabb ta’ Tarxien Rainbows F.C. – Jiksru l-istatut tal-MFA u jirriskjaw penali

Dalgħodu il-Prim Ministru Joseph Muscat organizza l-attivita’ politika ta’ kull nhar ta’ Ħadd filgħodu fil-klabb tal-futbol ta’ Tarxien Rainbows F.C. minflok f’każin tal-Partit Laburista. L-attivita’ saret ftit metri bogħod minn fejn it-tfal kienu qed jirrikreaw ruħhom.

Dan wassal għal kritika ħarxa mhux biss lejn il-Partit Laburista imma wkoll lejn it-tmexxija tal-klabb li b’dan il-mod kiser l-istatut tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol, li b’mod mill-iktar ċar jgħid li mhux permess li post tal-klabb jintuża għal skop politiku.

L-istatut tal-MFA, dwar dak li għandu x’jaqsam mal-premises ta’ klabb membru, hu ċar: “L-ebda attività politika ta’ kull xorta m’għandha tkun permessa mill-Kumitat ta’ klabb membru, la fil-bini tal-klabb u lanqas fl-infrastruttura tat-taħriġ tal-klabb.”

Iżda minkejja dan ir-riskju għal Tarxien, Joseph Muscat il-Ħadd filgħodu għamel l-attività politika tal-Partit Laburista b’diskors partiġġjan fis-sala ta’ Tarxien Rainbows.

Wara din l-istorja r-reazzjoni tal-Partit Laburista kienet li jivvinta li l-Partit Nazzjonalista għamel l-istess ħaġa fis-sala tat-Tarxien Rainbows. Madanakollu din il-gidba kienet konfermata mill-President tal-Kumitat Sezzjonali P.N. Tarxien Hubert Zammit, li stieden lill-Partit Laburista biex jgħid meta qatt saret xi attivita’ mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Dr Adrian Delia fis-Sala tat-Tarxien Rainbows u juru korrispondenza li titlob li ssir xi tip ta’ attivita’ hemmhekk minn Dr Delia.

HUbert Zammit żied jgħid li wiehed jipprova jiġġustifika jew jispjega ruħu huwa dritt u wieħed jifimha, temm jgħid iżda li tigdeb biex tagħmel hekk, iżda, huwa inaċċettabbli.