Il-qawwiet tas-sigurtà Afgani rnexxielhom jikkontrollaw is-sitwazzjoni f’Kabul wara li lukanda lussuża spiċċat assedjata minn grupp ta’ aggressuri armati, matul il-lejl tas-Sibt.
Intant, kien ikkonfermat li nqatlu talanqas erbatax il-barranin u erba’ Afgani waqt il-vjolenza li konċentrat fuq il-Lukanda Intercontinental fil-kapitali. Mietu wkoll talanqas tlieta mill-aggressuri, b’160 persuna jinħelsu wara li t-truppi Afgani damu jiġġieldu l-lejl kollu biex irażżnu l-periklu għaċ-ċivili.
Iċ-ċifra tal-mejtin tista’ tkun bil-wisq ogħla mill-ammont li ssemma s’issa b’membri tal-istampa jgħidu li ‘kienu raw għexieren ta’ katavri ġewwa l-lukanda’.
Fl-aħħar żviluppi, il-moviment Taliban tal-militanti Iżlamiċi ( li kien attakka wkoll lill-istess lukanda fl-2011) sostna li kien hu responsabbli mill-aħħar dmija f’Kabul.
L-attakk beda tard fil-lejl tas-Sibt meta l-aggressuri daħlu fil-lukanda eżatt fil-ħin meta r-residenti kienu bilqiegħda għall-ikel. Dan fost il-kaos assolut, u bl-armati – li kellhom anki r-rocket-propelled grenades — jisparaw kontinwament lejn min inzertaw.
L-aggressuri komplew javvanzaw mil-lukanda fejn ħadu numru ta’ nies bħala ostaġġi u fejn instemgħu jgħajjtu ‘li ma kienu se jħallu lil ħadd ħaj’. Meta kien intervistat wara l-assedju, il-manager tal-lukanda qal li l-armati daħlu fil-lukanda ‘minn aċċess tal-kċina’.
Fl-istess ħin, filmati drammatiċi tat-Televiżjoni Afgana wrew dħaħen suwed kbar u fjammi ħerġin mil-lukanda Intercontinental li tinsab fuq għolja fil-kapitali.
//= $special ?>

