Michael Farrugia, il-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, u li hu responsabbli wkoll mill-Ħabs ta’ Kordin, qiegħed dahru mal-ħajt dwar is-sitwazzjoni diżastruża fl-istess Ħabs fejn id-deċiżjonijiet – meta jittieħdu – jkunu mil-lum għall-għada u mingħajr ebda ppjanar. Is-sitwazzjoni fil-Ħabs fl-aħħar ġimgħat kompliet tmur għall-agħar u għal dan kollu jidher li ma hemm ħadd li qed jerfa’ r-responsabbiltà tant li ċerti żbalji jkomplu jirrepetu ruħhom.
Il-kritika fil-konfront tal-Ministru Michael Farrugia donnha waslet sal-punt li issa qed jissemma l-eks-Kurunell Alexander Dalli bħala l-persuna li tista’ tinħatar fit-Tmexxija tal-Ħabs biex forsi s-sitwazzjoni b’xi mod tkun salvata.
Iżda hemm min qiegħed jinsisti li jekk il-Gvern irid jagħmel waħda tajba fir-rigward tal-Ħabs, allura fit-Tmexxija ma għandux ipoġġi persuna waħda iżda koordinatur ta’ tim ta’ persuni b’perspettivi u b’esperjenzi differenti.
Fil-jiem li għaddew reġgħu tkellmu ma’ il-mument xi sorsi fil-Ħabs ta’ Kordin li żvelaw kif is-sitwazzjoni fil-Ħabs kompliet sejra mill-ħażin għall-agħar u minn meta Paul Debattista ħalla t-tmun ftit tax-xhur ilu wara li ma setax jissaporti aktar indħil, is-sitwazzjoni baqgħet qatt ma ħadet ir-ruħ.
Fl-aħħar xhur persuni li għandhom kuntatti diretti mal-Ħabs qalulna li kollox mar il-baħar u dan japplika mhux biss għall-impjegati, imma wkoll għall-priġunieri għaliex xi ftit jew wisq kulħadd fehem li jista’ jagħmel li jrid, b’mod partikulari kemm Uffiċjali tal-Ħabs kif ukoll ċerti priġunieri.
Illum saret aktar komuni l-prassi minn ċerti uffiċjali li sfaċċatament jiftaħru li fil-poter hemm il-Gvern Laburista allura huma għandhom ħobżhom maħżun u ħadd ma jista’ jikkontrollahom.
Aspett mill-falliment tas-sistema attwali fil-Ħabs hu rifless ukoll fl-ammont ta’ droga – kemm sintetika u kemm tradizzjonali – li hemm fil-binja. Jidher li t-Tmexxija tal-Ħabs ma hix kapaċi tikkontrolla b’mod effettiv din is-sitwazzjoni bir-riżultat li kulma jmur aktar priġunieri mhux biss qed imexxu d-droga, imma wkoll qed jieħdu d-droga. Hemm priġunieri li daħlu fil-Ħabs ħielsa mill-vizzju tad-droga, iżda llum huma wkoll jistaqsu għal xi tip ta’ droga “biex jgħaddu l-ħin”.
Sorsi li tkellmu ma’ il-mument fissru li mhux il-priġunieri kollha huma meqjusa l-istess, tant li hemm min minnhom jitħallew f’ċerti uffiċċji – bħal f’dak ta’ aġent maġġur partikulari – u dawn jagħmlu ħinijiet relattivament twal hemmhekk.
Hemm ukoll priġunieri li tant għandhom arja u tant jaħsbu li jistgħu jagħmlu li jridu li jitħallew jagħmlu ċertu xogħol ta’ muntaġġ ta’ pupi f’postijiet fejn mhux suppost li jsir tali xogħol.
Fl-isfond ta’ dan ix-xenarju kollu jibqgħu jidħlulna aktar ilmenti dwar il-qagħda mwiegħra fil-kċina fejn l-istat tagħha hu tassew fl-aħħar grad u hu ta’ insult għall-istess priġunieri. Għal xi raġuni l-Gvern qiegħed ikompli jwebbes rasu milli jinvesti f’din il-kċina billi jassigura li din tkun rinnovata u tinbena mill-ġdid kif jixraq għaż-żminijiet tal-lum.
L-eks-Direttur Pawlu Debattista kien se jimbarka fuq il-bini ta’ kċina ġdida għall-bżonnijiet tal-Ħabs illum iżda dejjem sab xkiel dirett milli jwettaq dan il-proġett tant importanti.
//= $special ?>