Lokali Unjoni Ewropea

L-MEPs tal-Partit Laburista b’ordni minn Kastilja biex jipruvaw jiskreditaw lil Gomes

Din il-ġimgħa, l-Parlament Ewropew se jiddibatti r-rapport dwar Malta

L-MEPs tal-Partit Laburista – b’mod partikolari Miriam Dalli u Marlene Mizzi – din il-ġimgħa, għamlu minn kollox fi Strasburgu biex jiprova jiskreditaw lill-MEP Soċjalista Portugiża – kollega fl-istess grupp politiku tagħhom – Ana Gomes. Ana Gomes issa ilha għal dawn l-aħħar xhur tikritika t-tmexxija tal-Prim Ministru Joseph Muscat wara n-nuqqas ta’ azzjoni dwar il-każijiet ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus tal-Panama Papers.

Matul din il-ġimgħa, l-MEPs tal-Partit Laburista għamlu pressjoni kbira fuq it-tmexxija tal-Grupp Soċjalista fil-Parlament Ewropew biex jiddistanzja ruħu mid-dikjarazzjonijiet b’saħħithom ta’ Ana Gomes. Ana Gomes mexxiet id-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew li ġiet Malta fi tmiem is-sena li għaddiet u li kkonkludiet rapport iebes dwar is-saltna tad-dritt f’Malta, u fost l-oħrajn, tinsisti għat-tkeċċija taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi, u biex tinfetaħ investigazzjoni dwar għemilhom.

Fil-jiem li għaddew, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru ta ordni diretta lill-MEPs tal-Partit Laburista biex jiprovaw jibdew kampanja ta’ skreditar kontra Gomes – simili ta’ kif qed jiprova jagħmel il-Partit Laburista fil-konfront tal-whistleblower tal-każ Egrant. Madanakollu, f’dan il-każ, il-Partit Laburista sabha diffiċli għaliex il-persuna li qed issejjaħ biex issir ġustizzja hi parti mill-familja tal-istess Partit Laburista fil-Parlament Ewropew.

Fil-fatt, din il-ġimgħa stess, l-MEP Soċjalista Ana Gomes kitbet fuq Twitter u qablet mad-Deputat Nazzjonalista Simon Busuttil li qal li l-Prim Ministru Muscat ma keċċiex lil Schembri u lil Mizzi għax jekk ikeċċihom, ikollu jitlaq hu wkoll. Hawnhekk, meta raw lil Gomes tattakka b’mod dirett lill-Prim Ministru, l-MEPs tal-Partit Laburista għamlu pressjoni kbira biex il-Kap tas-Soċjalisti fil-Parlament Ewropew joħroġ jikkundanna lil Ana Gomes għal dan id-diskors. Madanakollu, l-MEPs tal-Partit Laburista sabu l-bibien magħluqin għaliex il-Kap tas-Soċjalisti Pittella ma għamel l-ebda dikjarazzjoni dwar dan. Fil-fatt l-uniku dikjarazzjoni li saret kienet mill-Viċi President tas-Soċjalisti Tanja Fajon, li filwaqt li qalet li Ana Gomes ma titkellimx f’isem il-Grupp Soċjalista kollu, ma qalitx li dak li qalet Gomes mhux minnu. Anzi sostniet li l-Grupp tas-Soċjalisti wkoll qed jinvestiga l-evidenza kollha dwar dawn il-każijiet biex imbagħad jittieħdu d-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu.

Sa minn meta ħareġ ir-rapport dwar Malta, l-Partit Laburista beda jiprova jiskredita dan ir-rapport. L-ewwel il-Prim Ministru qal li l-MEPs li ġew Malta kienu diġa’ deċiżi sa minn qabel ġew, imbagħad il-Ministru Konrad Mizzi qal li r-rapport tal-Parlament Ewropew kien biss spin ta’ David Casa, imbagħad l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Laburista fil-Parlament Ewropew Alfred Sant qabbel lil David Casa għandu poteri mistiċi, u biex aktar kmieni din il-ġimgħa, l-Prim Ministru wasal biex qal li hu ma jagħtix kas x’jgħidu l-MEPs.

Din l-aħħar dikjarazzjoni ġabet rabja kbira fil-Parlament Ewropew fost il-Membri Parlamentari Ewropej li kienu fi Strasburgu. Filfatt, anke l-MEP tal-Ħodor Sven Giegold iddeskriva din ir-reazzjoni bħala waħda ta’ disrispett. Dan b’mod partikolari fid-dawl li Muscat innifsu kien Membru tal-Parlament Ewropew.

Matul din il-ġimgħa, r-rapport dwar Malta se jkun fuq l-aġenda ta’ Kumitat tal-Parlament Ewropew, li mhux mistenni jieqaf ma’ dan ir-rapport, iżda jkompli jinvestiga u saħansitra jintervista lill-Prim Imħallef dwar is-sitwazzjoni tas-saltna tad-dritt f’Malta.

Il-konklużjonijiet tar-rapport spiċċaw ukoll quddiem il-Bank Ċentrali Ewropew

Sadanittant, il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport dwar Malta spiċċaw ukoll quddiem il-Bank Ċentrali Ewropew, b’mod partikolari dawk marbutin ma’ Pilatus Bank. Filfatt, kienet l-MEP Ana Gomes stess li bagħtet dan ir-rapport lill-President tal-Bank Ċentrali Ewropew Mario Draghi.

Dan ifisser li l-pożizzjoni li ħa l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa fil-ġimgħat li għaddew – li l-Bank Ċentrali Ewropew għandu jinvestiga u jiddeċiedi jneħħix il-liċenzja ta’ Pilatus Bank – issa hi l-pożizzjoni tar-rappreżentanti tal-gruppi politiċi kollha fil-Parlament Ewropew.

David Casa, din il-ġimgħa, bagħat ittra liċ-Chairperson tal-Bord ta’ Superviżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew li fiha nforma li għandu provi ġodda dwar Pilatus Bank, u kif dan il-bank twaqqaf bl-iskop li jaħsel il-flus. David Casa ressaq dawn il-provi lill-Bank Ċentrali Ewropew.