Lokali

‘Li kieku għaddiet ta’ Joseph Muscat ma kienx ikollna V18′ – Mario De Marco

Li kieku għaddiet ta’ Joseph Muscat u l-Maltin ma vvutawx favur id-dħul ta’ Malta fl-UE, kieku ma konniex niċċelebraw lill-Belt Valletta bħala l-Belt Kulturali Ewropea. Qal dan id-Deputat Mario De Marco meta kien qed jindirizza l-attività politika f’San Pawl il-Baħar.

Mario De Marco sellem lill-Eks Prim Ministru Eddie Fenech Adami li lura fl-1987 waqqaf il-Valletta Regeneration Programme u lil Lawrence Gonzi għad-determinazzjoni tiegħu meta Gvern Nazzjonalista ressaq in-nomina tal-Belt Valletta bħala l-Belt Kapitali Ewropea. Sellem lil Francis Zammit Dimech li kien Ministru tal-Kultura meta twaqqaf il-Kavallier ta’ San Ġakbu kif ukoll lil George Pullicino u lil Austin Gatt li wettqu numru ta’ proġetti fil-Belt Valletta fosthom il-proġett ta’ Renzo Piano li Muscat sejjaħlu “proġett kapriċċuż”.

Fakkar fil-ħidma mal-Ministru Tonio Fenech biex numru ta’ djar antiki fil-Belt Valletta  jinbidlu f’boutique hotels. Mario De Marco sellem ukoll il-ħidma ta’ David Felice li kien l-ewwel chairman ta’ V18 u li mexxa l-proċess tal-applikazzjoni.  Huwa qal li huwa dnub li dan il-Gvern żera kultura tal-korruzzjoni u mhux kultura tal-arti.

L-attività kienet indirizzata ukoll minn Graziella Galea li rriżenjat mill-kariga ta’ Sindku ta’ San Pawl il-Baħar. Hija qalet li ħadet din id-deċiżjoni għax riedet tirrispetta d-deċiżjoni tal-poplu li l-Kunsill ikun immexxi mill-PN.

Graziella Galea tat ħarsa lura lejn x’sabet lura fl-2015 meta l-kunsill immexxi minn Sindku Laburista kien mgħobbi b’nofs miljun ewro dejn li taħt it-tmexxija tagħha inbidel f’surplus ta’ mijiet ta’ eluf ta’ ewro u aċċess għal fondi Ewropej.

Minn sitwazzjoni ta’ numru ta’ toroq li ma sarux b’xogħol tajjeb taħt Kunsill Laburista, il-Kunsill Nazzjonalista qed jaħdem fuq pjan ta’ ħidma li jinkludi l-bini ta’ toroq ġodda u proġetti ta’ restawr – programm ta’ ħidma li qed isib ħafna bsaten fir-roti mill-kunsilliera tal-PL.

Graziella Galea rringrazzjat lil kull min taha l-appoġġ f’dan il-mument diffiċli u tenniet l-impenn tagħha li tibqa’ taħdem għall-ġid tar-residenti.

Il-kandidat Errol Cutajar kompla fuq dak li qalet Graziela Galea u saħaq li fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar il-PL irid jisraq il-prinċipju tad-demokrazija li l-maġġoranza tirbaħ u qed jagħżel li jinjora riżultat ta’ elezzjoni demoratika.

Bħala kunsillier fil-lokalità ta’ M’Skala huwa fakkar fl-appell li qed jagħmel il-PN biex l-art taż-Żonqor tingħata lura lill-poplu Malti u tenna l-impenn tal-PN li se jkompli jaħdem biex pajjiżna jerġa’ jsir wieħed demokratiku.