Raymond Grima, is-sid tan-negozju Raymond’s Upholstery f’Ħ’Attard u li f’nofs Novembru li għadda kien intlaqat serjament f’żaqqu b’tiri ta’ arma tan-nar sparati mill-viċin fuqu u fuq klijent tiegħu fl-istess ħanut, fil-jiem li għaddew tkellem għall-ewwel darba mal-Pulizija li qed jinvestigaw dak il-każ.
Raymond Grima dam għal numru ta’ ġimgħat jilgħabha mal-mewt fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei wara li kien ġarrab feriti gravi ħafna. Klijent tiegħu – Angelo Mangion ta’ 58 sena minn Ħal Qormi – dakinhar tal-isparatura ppjanata kien baqa’ mejjet fil-post u rriżulta f’delitt ieħor matul is-sena li għaddiet meta b’kollox kienu nqatlu tmien persuni.
L-iżvilupp tal-jiem li għaddew hu ferm importanti għall-Pulizija għaliex il-fatt li tkellmet mal-vittma tista’ tinkiseb aktar informazzjoni dwar min seta’ kien il-qattiel u x’kien il-motiv tal-isparatura.
Għalkemm il-Pulizija kienet ġabret numru ta’ persuni biex jgħinuha fl-investigazzjonijiet, fosthom raġel minn Ħal Qormi li għadu kemm skonta sentenza ta’ priġunerija u għadu kemm inħareġ mill-Ħabs, il-każ sal-lum baqa’ jitqies bħala misteru.
Momentarjament kienet informazzjoni li daħlet lill-Pulizija li f’garaxx partikulari f’Ħal Qormi seta’ kien hemm xi movimenti suspettużi. Il-Pulizija marret minnufih fil-post indikat lilha u hemmhekk sabet grupp ta’ ħamest irġiel flimkien u probabbilment kienu qed jagħmlu użu mid-droga għalihom personalment.
Madankollu xejn ma kien hemm x’jindika li xi ħadd minnhom seta’ kien involut fis-serje ta’ sparaturi fuq il-ħanut tax-xogħol Raymond’s Upholstery f’Ħ’Attard fejn inqatel klijent – Angelo Mangion ta’ 58 sena minn Ħal Qormi – u kien ferut serjament f’żaqqu s-sid Raymond Grima ta’ 60 sena.
Sorsi qrib l-investigazzjoni li tkellmu ma’ il-mument qalu li fattur ċert f’dan id-delitt hu li min wettqu, ippjanah b’ħafna dettall fis-sens li saħansitra ħa ħsieb ukoll li jassigura li l-iskrataċ li jkunu sparati ma jaqgħux fl-art. Mhux biss iżda ħa ħsieb ukoll li dawn appena jkunu sparati jaqgħu fi speċi ta’ borża mwaħħla apposta mal-arma biex hekk ma titħalla l-ebda traċċa wara d-delitt.
Dak li hu stabbilit mill-Pulizija hu li l-qattiel – probabbilment ġew persuni fuq mutur wieħed għalkemm il-ferut qed jgħid li kien hemm persuna waħda – spara għadd kbir ta’ tiri (’il fuq minn għaxar tiri) u dawn laqtu jew lill-klijenti minn Ħal Qormi jew lis-sid minn Ħ’Attard.
Is-sorsi ta’ il-mument ċaħdu għalkollox li l-arma użata setgħet kienet revolver kif oriġinarjament kien ingħad f’xi sezzjoni tal-midja u hemm aċċertazzjoni kbira wkoll li dak li ġara kien fil-mira li jinqatel jew is-sid jew dak li kien qiegħed iżuru biex jordna xi xogħol. Assolutament mhux minnu li l-Pulizija ħadmet fuq it-teżi li dak li ġara f’dan id-delitt, ġara biex jinqatlu ż-żewġt irġiel. Dan aktar u aktar fid-dawl ta’ dak li qal il-vittma ferut stess li hu lil dak li żaru jafu biss bħala klijent li rrikorra għadu sempliċement biex jordna xi xogħol.
Sadattant ukoll ħidma intensa li għamlet il-Pulizija fix-xahrejn li għaddew tramite l-analiżi ta’ numru ta’ CCTV cameras sa issa ma pproduċiet xejn inkoraġġanti u jidher li l-qattiel, darba wettaq xogħlu, għeb fi ftit sekondi meta qabad id-direzzjoni lejn ir-Rabat. Minn hemmhekk hemm diversi daħliet li jwasslu għal Ħaż-Żebbuġ u l-mutur faċilment seta’ ntilef hemmhekk meta jista’ jkun li f’xi viċinanzi seta’ kien hemm mhux biss xi garaxx fejn seta’ jaħbi permanentement il-mutur użat, iżda kellu wkoll għal-lest vettura biex seta’ jitlaq mill-post u jmur jinħasel għal diversi drabi biex ineħħi minn fuqu kull traċċa ta’ gun shot residue.
//= $special ?>