Sport Sport Ieħor

OPEN TAL-AWSTRALJA – Sharapova eliminata

Sharapova sfat eliminata

It-tennista Russa Maria Sharapova sfat eliminata mill-Open hekk kif tilfet 6-1, 6-3 kontra Angelique Kerber. Din tal-aħħar issa għaddiet għall-kwarti tal-finali fejn issa tilgħab kontra Hsieh Su-wei li tinsab fit-88 pożizzjoni f’dawk li huma rankings mondjali.

Ta’ min jinnota li Sharapova u Kerber kienu l-aħħar żewġ tennisti li qed jieħdu sehem fil-kompetizzjoni u li fil-passat rebħu dan l-Open. Sharapova kienet qed tilgħab f’dan l-Open wara li skotat 15-il xahar ta’ sospensjoni minħabba li kienet instabet pożittiva għad-doping.

F’partita oħra n-numru tnejn fid-dinja Caroline Wozniacki rebħet kontra Magdalena Rybarikova biex hi wkoll għaddiet għall-fażi tal-aħħar tmienja.

It-tennista Daniża kellha bżonn siegħa u tliet minuti biex rebħet bi skor ta’ 6-3 6-0. Issa jmissha tilgħab kontra Carla Suarez Navarro li minn naħa tagħha rebħet kontra t-tennista mill-Estonja Anett Kontaveit bi skor ta’ 4-6 6-4 8-6.

Elise Mertens għaddiet għall-kwarti tal-finali wara li għelbet lil Petra Martic 7-6 (7-4) 7-5. Grazzi għal din ir-rebħa saret l-ewwel tennista Belġjana sa mill-2012 li għamlitha sal-kwarti tal-finali tal-Open tal-Awstralja.