Sport Sport Ieħor

RALLY TA’ DAKAR – Carlos Sainz jirbaħ l-edizzjoni tal-2018

Is-sewwieq Spanjol Carlos Sainz ġie inkurunat iċ-champion tal-kategorija tal-karozzi fir-Rally ta’ Dakar. Din kienet it-tieni darba fil-karriera tiegħu li rebaħ it-titlu tal-overall ta’ din il-kompetizzjoni prestiġġjuża.

Sainz għeleb l-isfida tal-koppja tat-Toyota Nasser Al-Attiyah u Giniel De Villiers b’vantaġġ ta’ aktar minn kwart ta’ siegħa. Ta’ min jinnota li din kienet l-ewwel darba għal Sainz li rebaħ din il-kompetizzjoni bħala sewwieq tal-Peugeot. Fil-passat kien ikkompeta tliet darbiet ma’ dan it-tim imma qatt ma temm it-tellieqa kollha. Sainz mal-ewwel beda tajjeb fl-ewwel stadji li kienu saru fil-Peru u kompla b’dan ir-ritmu fil-Bolivja.

Minkejja li ma tantx rebaħ stadji hu dejjem kien konsistenti u kienet din il-konsistenza li wasslitu għar-rebħ ta’ dan it-titlu.

Fil-kategorija tal-muturi kien Matthias Walkner li rebaħ it-titlu għall-ewwel darba fil-karriera tiegħu. Meta dan kellu vantaġġ ta’ 20 minuta qabel l-aħħar tappa, għal Walkner kien biżżejjed li spiċċa fit-tmien post biex spiċċa l-ewwel fil-klassifika tal-overall. Dan kien suċċess mill-aqwa għal Walkner li sentejn ilu kien sofra injuries serji waqt ir-Rally ta’ Dakar.

Eduard Nikolaev rebaħ it-titlu fil-kategorija tat-trakkijiet. Hu għeleb l-isfida ta’ Siarhei Viazovich li daħal madwar erba’ siegħat warajh. Għal Nikolaev din kienet it-tielet darba fil-karriera tiegħu li rebaħ din il-kompetizzjoni.

Ta’ min jinnota li ħafna mis-sewwieqa iddeskrivew l-edizzjoni ta’ din is-sena bħala l-akar waħda diffiċli li saret f’dawn l-aħħar snin.