Lokali

Serq u traffikar tad-droga fil-miftuħ fil-Ħamrun

Anzjani li fl-aħħar jiem tkellmu ma’ Net News ilmentaw minħabba nuqqas ta’ preżenza tal-pulizija u fejn ftit li xejn qed isiru rondi, “meta jsiru”, stqarrew dawn l-anzjani.

L-anzjani qalu li dan l-aħħar seħħew sensiela ta’ serqiet minn diversi nħawi tal-Ħamrun, l-aktar mill-inħawi tal-Knisja Parrokkjali ta’ San Gejtanu. Hu suspettat li mara li qed tkun liebsa velu, qed tindika lill-ħallelin fejn għandhom jagħtu l-assalt biex jisirqu residenti Ħamruniżi. Hemm koppji li mhux qed imorru flimkien il-quddies. Dan biex jassiguraw li xi ħadd minnhom ikun fid-dar ħalli jnaqqsu l-possibbiltà li jkunu fil-mira tal-ħallelin. il-mument għandha informazzjoni li kemm il-Pulizija kif ukoll l-Kunsill Lokali tal-Ħamrun jafu b’din is-sitwazzjoni minħabba li diversi residenti ressqu l-ilmenti tagħhom u għamlu rapporti lill-awtoritajiet lokali.

Residenti li tkellmu ma’ din il-gazzetta semmew li ma tgħaddix ġurnata li fiha residenza jew ħanut ma jispiċċax fil-mira tal-kriminali.

“Bejn il-Ġimgħa u s-Sibt li għadda kienu se jisirqu minn ħanut tax-xagħar li jinsab mat-telgħa ta’ maġenb il-knisja,” qalet residenta Ħamruniża, li kompliet kif dan it-tentattiv ta’ serq mill-ħallelin waqt il-ħinijiet ta’ billejl, għal xi raġuni falla.

Resident ieħor semma kif lejlet l-Ewwel tas-Sena koppja anzjana kienet se tisfa vittma ta’ serqa. “Din il-koppja hija residenti fit-triq ta’ maġenb il-knisja. Il-ħallelin bdew jaqilgħu s-serratura imma għal xi raġuni kellhom jabbandunaw is-serqa hekk kif l-anzjani kienu ġewwa darhom.”

Residenta oħra kkonfermat li dawn l-attentati ta’ serq ilhom għaddejjin il-ġimgħat. “Bejn il-Milied u l-Ewwel tas-Sena, anzjan daħlulu biex jisirquh, sema’ l-ħsejjes, niżel isfel, u sab il-ħallelin ma’ wiċċu. Spiċċaw serqulu l-Bambin tal-Milied u ħarbu ’l barra!”

Minn informazzjoni li ksibna jidher li l-ħallelin qed jimmarraw l-aktar lejn residenzi li għandhom bibien li jissakkru b’serraturi antiki magħrufa bħala “tal-Ingliż”.

Dawn ir-residenti kkonfermaw mal-gazzetta l-mument li l-ħallelin qed ikollhom wiċċhom mgħammad, u ħafna minnhom ikunu libsin hoodies.

Intant, din il-gazzetta żvelat li residenti Ħamruniżi qegħdin jieħdu miżuri ta’ sigurtà hekk kif fost l-oħrajn qegħdin jinfurzaw il-bibien u twieqi tar-residenzi tagħhom. “Dawn huma kollha spejjeż żejda ta’ eluf ta’ ewro għax mhux qed ikollna protezzjoni biżżejjed mingħand l-awtoritajiet,” qalilna wieħed mir-residenti. Residenta oħra qalet, “aħna mhux qed inħossuna protetti meta hawn dan is-serq kollu.”

Residenti oħra li tkellmu mal-mument qalu wkoll li t-traffikar tad-droga qed isir b’mod sfaċċat fl-apert. “Naraw id-droga qed tinbiegħ f’ċerti toroq inkluż f’toroq ewlenin tal-Ħamrun li jinsabu quddiem l-Għassa tal-Pulizija.” Waħda mir-residenti Ħamruniżi semmiet ma’ il-mument li l-inħawi tal-Bank HSBC, dawk qrib il-binja tal-Kunsill Lokali huma fost il-postijiet fejn id-droga tgħaddi minn id għal oħra.

Il-mument hija infurmata wkoll li dan l-aħħar ġew ukoll installati kameras tas-sigurtà li suppost il-filmati tagħhom huma aċċessibbli mill-Għassa tal-Pulizija tal-Ħamrun. Madankollu, ir-residenti qalu li minkejja dan kollu, “mhu qed jiġri xejn” fis-sens li mhux qed jittieħdu passi mill-Pulizija jew jinqabdu dawk li jkunu qed jiksru l-liġi.

Ir-residenti qegħdin jappellaw lill-awtoritajiet konċernati biex tissaħħaħ l-Għassa tal-Pulizija tal-Ħamrun minħabba li fil-lokalità hemm problemi kbar ta’ traffikar tad-droga, logħob tal-azzard, serq u ġlied fil-pubbliku.

Il-mument ħadet ir-reazzjoni tad-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech, dwar dan it-tħassib tar-residenti. Hu qal li l-komunità Ħamruniża ilha għal dawn l-aħħar snin tesperjenza tnaqqir fil-kwalità tal-ħajja tagħha. “Il-problema tal-immigrazzjoni, is-serq u l-pjaga tal-abbuż tad-droga saru dawk l-affarijiet li r-residenti Ħamruniżi qed jiffaċċjaw jum wara ieħor. Ir-riżorsi tal-Pulizija huma ftit wisq biex ilaħħqu ma’ dawn il-problemi, u dan qed iwassal għal aktar qtigħ il-qalb fil-komunità. Meta tneħħi s-sigurtà minn darek, iddaħħal il-biża’ fil-ħajja tal-komunità tiegħek.”

Grech żied li hu għalhekk li hemm bżonn ta’ sforz kollettiv biex ir-residenti Ħamruniżi jingħataw l-importanza li tixirqilhom u ma jibqgħux jgħixu fil-biża’. “Dan hu l-obbligu tagħna d-deputati, u l-PN se jagħmel l-almu tiegħu kollu biex mhux biss ikun il-vuċi tar-residenti, iżda wkoll l-ixprun ewlieni biex jiġu indirizzati l-isfidi li qed jiffaċċjaw.”

Skont statistika mogħtija fil-Parlament mill-Ministru għall-Intern Carmelo Abela jirriżulta li fl-2015 kien hemm 139 każ ta’ serq fil-Ħamrun, u li fl-2016 żdiedu għal 166.