Internazzjonali

Stati Uniti: Ħidma biex jevitaw l-impatt ta’ ‘shutdown’ għas-servizzi federali

Is-Senat ta’ Washington qed jiltaqa’ biex isolvi intopp kbir għall-baġit, qabel il-bidu ta’ ġimgħa tax-xogħol ġdida. Dan fost inkwiet li l-għeluq jew shutdown ta’ ħafna servizzi federali għandu jinħass – bir-riperkussjonijiet inevitabbli – madwar il-pajjiż.

F’din is-sitwazzjoni  mijiet ta’ eluf ta’ ħaddiema mas-servizzi federali qegħdin jiffaċċjaw il-prospett li ma jidħlux għax-xogħol u fejn huma jibqgħu wkoll mingħajr ħlas.

Dan meta, fi tmiem il-ġimgħa, spikkaw l-akkużi u l-kritika wara li s-Senat naqas milli jgħaddi baġit ġdid u jevita shutdown preokkupanti. Is-sitwazzjoni waslet sa hawn meta abbozz għall-fondi biex isostnu lill-Gvern federali għall-ġimgħat li jmiss, ma kisibx is-60 vot meħtieġa fis-Senat sa nhar il-Ġimgħa.

Il-Kap Repubblikan tas-Senat, Mitch McConnell, qal li fis-sigħat bikrin tat-Tnejn jittieħed vot dwar l-abbozz li jippermetti l-finanzjament tal-Gvern sat-8 ta’ Frar li ġej.

L-aħħar shutdown tal-Gvern Amerikan kien seħħ fl-2013 u baqa’ effettiv għal sittax il-jum.

Madankollu, din hi l-ewwel darba li shutdown tal-Gvern kellu jseħħ meta Partit wieħed (tar-Repubblikani) qed jikkontrolla l-Kungress kif ukoll il-White House ta’ Washington.

Il-vot ta’ nhar il-Ġimgħa ma laħaqx is-60 ‘favur’ meħtieġa biex jgħaddi l-abbozz u meta r-Repubblikani – li għandhom maġġoranza ta’ 51 siġġu fis-Senat – m’għandhomx voti biżżejjed biex jaċċertaw mill-istess abbozz mingħajr xi forma ta’ appoġġ mingħand id-Demokratiċi fl-Oppożizzjoni.