Lokali

TRAĠEDJA FL-AWSTRALJA: Imutu l-aħwa Vella waqt inċident fil-post tax-xogħol

Aħwa ta’ dixxindenza Maltija nstabu mejta wara inċident fil-post tax-xogħol li seħħ fl-Awstralja fl-aħħar jiem, preċiżament f’Sarina, fi Queensland.

Frank Vella, ta’ 52 sena, u ħuħ George ta’ 48 sena, twieldu fl-Istati Uniti iżda n-nanniet tagħhom kienu emigranti Maltin mill-Mosta. Huma kienu qed inaddfu tankijiet użati għat-trasport tal-ġulepp u fertilizzant li jirriżulta mll-irfinar tal-kanna taz-zokkor.

L-ewwel investigazzjonijiet juru li l-mewt tagħhom seħħet kawża ta’ vvelenar, hekk kif jidher li belgħu xi gassijiet. L-inċident seħħ f’faċilità mmexxija mill-familja stess, bl-isem ta’ Vella Haulage Sarina.

Il-każ ixxokkja l-komunità ta’ Sarina, fejn jgħixu mal-5,700 persuna fosthom diversi familji dixxindenti ta’ emigranti Maltin. Filfatt fil-bidu ta’ din il-ġimgħa, anke l-iskola ġiet posposta hekk kif mart wieħed mill-vittmi, Karen Vella, kienet parti mill-istaff akkademiku tal-Iskola Primarja Kattolika ta’ Sant’Anna.