Lokali

“Uffiċjali tal-Pulizija b’rekord kriminali m’għandhomx jiġu appuntati jew jerġgħu jiddaħlu fil-Korp tal-Pulizija”

Fiż-żmien li hu kien Kummissarju tal-Korp tal-Pulizija, il-Pulizija kienu jiġu skrutinizzati

Uffiċjali li għandhom rekord kriminali qatt m’għandhom jiġi appuntati fil-Korp tal-Pulizija, aħseb u ara kemm jerġgħu jiddaħlu lura fl-istess Korp.

Dan kien kliem John Rizzo, l-ex Kummissarju tal-Korp tal-Pulizija li hu ukoll innominat bħala membru fuq il-Kummissjoni Permanenti kontra l-kurruzzjoni, f’intervista estensiva ma’ The Malta Independent on Sunday.

Dan sostnih fid-dawl tal-policy il-ġdida li tippermetti li uffiċjali tal-Pulizija b’rekord kriminali jkunu eleġibbli għal reklutaġġ, promozzjoni jew li jerġgħu jidħlu lura fil-Korp tal-Pulizija.

Il-ġurnal semma kif Rizzo, li jikseb rispett miż-żewġ partiti poltiċi, sostna li uffiċjal tal-Pulizija għandu jkun serju, iddixxiplinat u fuq kollox jikseb il-fiduċja tal-pubbliku. Għaldaqstant hu staqsa kif il-pubbliku jista’ jkollu fiduċja fil-Korp tal-Pulizija jekk waħda minn dawn il-karratteristiċi tintilef. Dan għaliex hu jemmen li l-poplu jħallas it-taxxi sabiex ikun jista’ jżomm uffiċjal tal-Pulizija.

Fid-dawl ta’ dan, John Rizzo spjega kif fiż-żmien meta hu kien Kummissarju ma kienx aċċetta li Pulizija li wettaq reat minuri jerġa’ jidħol lura fil-Korp.  Dak iż-żmien, il-Pulizija kienu jiġu skrutinizzati mhux biss fuq il-kondotta personali tagħhom, iżda anke il-mod kif jgħixu, jekk kellhomx każijiet pendenti, u anke lil min kienu miżżewġin.

Matul din l-intervista, John Rizzo semma ukoll kif fiż-żmien li hu serva l-Korp bħala Kummissarju, qatt ma ġie mxekkel milli jiftaħ investigazzjoni kriminali, liema żmien kien ikkaratterizat  minn numru rekord ta’ każijiet li kienu jinvolvu korruzzjoni, tixħim u kriminalità. Eżempju ta’ dan hu l-iskandlu tax-xiri taż-żejt.

Dwar il-każ ta’ qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Rizzo sostna li ma jaqbilx mal-kummenti li l-Pulizija mhumiex jagħlmu xogħolhom jew ma jridux isiru jafu l-verità. Dan għaliex hu ħadem ma’ diversi persuni li qed jinvestigaw dan il-każ li ddeskrivihom bħala nies serji u kapaċi ħafna.