Lokali

Xogħlijiet ta’ żebgħa fil-preżenza ta’ tfal bi bżonnijiet speċjali

Ħaddiema tal-Gvern bejn nhar il-Ħamis u l-Ġimgħa għamlu xogħlijiet ta’ tikħil u żebgħa fl-Iskola LSF Foundation fl-Imsida u dan fil-preżenza tat-tfal bi bżonnijiet speċjali u l-għalliema tagħhom.

Ġenituri li tkellmu ma’ il-mument spjegaw li ma setgħux jifhmu kif dawn ix-xogħlijiet ta’ żebgħa bi rwejjaħ qawwija saru proprju fil-preżenza tat-tfal meta dawn kienu l-iskola.

Aktar u aktar meta dawn it-tfal bi bżonnijiet speċjali għandhom ħtiġiet partikulari u verament min ippjana tali xogħlijiet ta’ żebgħa hu għalkollox insensittiv.

Anki l-għalliema u l-istaff li jservi f’din l-iskola partikulari baqgħu perplessi bin-nuqqas ta’ sensittività ta’ min bagħat lil numru ta’ ħaddiema biex jaħdmu f’din l-iskola waqt il-ħinijiet meta jkun hemm it-tfal u agħar minn hekk meta f’dan il-każ huma tfal bi bżonnijiet speċjali.

Il-ġenituri li tkellmu ma’ din il-gazzetta fissru li xogħlijiet bħal dawn għandhom isiru f’ħinijiet meta ma jkunx hemm tfal, aktar u aktar f’dan il-każ meta t-tfal għandhom bżonnijiet speċjali.

Skont għalliem kuntattjat minn il-mument anki l-ħaddiema nfushom ma tantx kienu komdi jagħmlu x-xogħlijiet imqabbda lilhom fil-preżenza tat-tfal. Iżda la jingħataw ordni, allura huma jkollhom jobduha.