Lokali Parlament

Fil-pajjiż hawn epidemija siekta ta’ vjolenza domestika

– Ivan Bartolo, PN

Id-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo qal li fil-pajjiż mhux biss hawn problema ta’ vjolenza domestika iżda hawn epidemija siekta li qed teffettwa negattivament lis-soċjetà.

Fil-parlament Ivan Bartolo qal li fil-vjolenza domestika, l-ulied isofru daqs dawk involuti. Hemm vjolenza domestika finanzjarja, emozzjonali u fiżika, fosthom anki bejn persuni tal-istess sess. F’sena kien hemm 1272 każ ta’ vjolenza kienu rappurtati lill-Pulizija għalkemm hemm numru kbir ta’ każi oħra li ma jkunux rapportati minħabba divesi ċirkostanzi. Fl-aħħar snin inqatlu diversi persuni f’każi ta’ abbuż ta’ vjolenza domestika. Importanti li l-għajnuna għandha tingħata kemm mill-vittmi kif ukoll lill-aggressuri.

Is-sitwazzjoni f’Malta turi li hawn mentalità aggressiva u epidemija siekta quddiem sitwazzjoni gravi. Jirriżulta li 47% tal-Maltin jemmnu li mara tkun qed tesaġera u tivvinta billi tgħid li kienet stuprata. 40% tal-Maltin jaħsbu li mara kapaċi tipprovoka biex toħroġ ta’ vittma waqt li 36% jaħsbu li f’att sesswali kollox hu ġustifikat anki jekk il-mara ma tkunx trid. Il-biża’ twassal biex il-każi ma jkunux rapportati.

Ivan Bartolo tkellem dwar il-każi fejn persuni twettaq vjolenza billi jsegwu lil persuni oħra u qal li dan ukoll hu forma ta’ abbuż ta’ vjolenza dometsika. Hu appella biex iċ-ċiklu ta’ vjolenza jitkisser biex fid-djar Maltin ikun sitwazzjonijiet pożittivi ta’ relazzjonijiet bejn il-koppji.