Knisja Lokali

FILMAT: L-Isqof Silvestru Magro hu Martri għax ta ħajtu għal dawk li kien Ragħaj tagħhom – Mons Charles Scicluna

Ritratt: Martin Agius

Ritratt: Martin Agius

L-Isqof Silvestru Magro hu Martri, tant li llum il-Mulej sejjaħlu biex jieħu l-Kuruna tal-Martri, mhux għax ċarċar demmu, iżda għax litteralment ta ħajtu għall-komunitajiet li tagħhom kien Ragħaj. Hu għamel dan fil-persuna ġwejda, iżda modesta u umli tiegħu.

Hekk iddikjara l-Arċisqof ta’ Malta Mons Charles Scicluna waqt l-Omelija fl-Aħħar Tislima lill-Isqof Silvestru Magro, li nżammet fil-Katidral tal-Imdina. Iċ-Ċelebrazzjoni tmexxiet mill-Arċisqof Scicluna, akkumpanjat minn numru ta’ Isqfijiet u Saċerdoti oħra.

Għall-funeral attendew ukoll il-Prim Ministru, l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia u l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius.

Mons Magro, li serva bħala Vigarju Appostoliku ta’ Bengażi fil-Libja bejn l-1997 u l-2016, miet kmieni s-Sibt filgħodu fl-età ta’ 76 sena.

L-Arċisqof Scicluna qal li fil-persuna tal-Isqof Magro, il-Knisja dehret fis-sbuħija kollha tagħha għax hu kien xhieda tal-imħabba tal-Mulej, li ma tħarisx lejn uċuh. Il-komunitajiet li mexxa spiritwalment għal kważi 20 sena raw fih id-dawl tal-Mulej għax Mons Magro dejjem żamm lill-Mulej quddiemu fil-mumenti ta’ diffikultà, solitudni u periklu għal ħajtu.

Il-Kap tal-Knisja f’Malta fakkar kif kulmin iltaqa’ mal-Isqof Silvestru Magro kien jirrealizza li jinsab fil-preżenza ta’ Bniedem ta’ Alla mingħajr pretenzjonijiet għax kien persuna ta’ Paċi msejjaħ mill-Mulej f’ambjent fejn Ġesù kien sinjal li jmeruh.

L-Arċisqof Scicluna qal li l-Isqof Magro kien Ambaxxatur ta’ dak kollu li jagħmilna Maltin, meta matul ħajtu wera l-qalb kbira tal-poplu Malti. Fl-istess waqt, hu sellem ukoll lill-Mons George Bugeja, is-suċċessur tal-Isqof Magro fil-Libja, kif ukoll lill-komunità Nisranija fil-Libja.

L-Aħħar Tislima ta’ Mons Magro bdiet b’Korteo mill-Kunvent tal-Franġiskani Minuri fir-Rabat sal-Katidral tal-Imdina. Hu ndifen fil-Kappella tal-Provinċja fiċ-Ċimiterju Santa Marija Addolorata.

L-Isqof Magro hu t-tielet Isqof Malti li miet f’anqas minn xahar, wara l-mewt tal-Isqof Adeodato Micallef u tal-Isqof Emmanuel Barbara, li se jingħata l-Aħħar Tislima s-Sibt li ġej fil-Katidral tal-Imdina.

FILMAT: Titħabbar il-mewt tal-Isqof Silvestru Magro