Internazzjonali

Il-Ġermanja: Lejn taħditiet ma’ Merkel għal koalizzjoni

 

Il-Ġermanja tista’ qed tavviċina t-tmiem tal-itwal perjodu għat-twaqqif ta’ gvern ta’ koalizzjoni mit-Tieni Gwerra Dinjija ‘il hawn. Dan meta l-Partit CDU tal-Kanċillier Angela Merkel u l-Partit SPD ( Soċjal Demokratiku) taċ-ċentru xellug qed jidhru lesti biex jibdew in-negozjati profondi għall-koalizzjoni ‘minn ħin għall-ieħor’.

Fil-fatt, Angela Merkel hi ħerqana biex tikkonkludi n-negozjati sat-12 ta’ Frar meta l-impenn hu l-aħħar ċans realistiku għaliha biex tifforma Gvern u tevita elezzjonijiet ġodda fil-Ġermanja.

Filwaqt li ftehim finali jista’ ikun ‘il-bogħod – fost l-oppożizzjoni sinifikanti mingħand xi membri tal-SPD li mhumiex favur is-sitwazzjoni – l-indikazzjonijiet huma li Merkel tinsab aktar viċin ta’ Gvern u li tattwa l-wiegħda tagħha għal stabbilità f’pajjiżha.

Intant, l-SPD qablu biex jibdew negozjati formali għall-koalizzjoni mas-CDU wara xhur ta’ inċertezza li segwew l-elezzjonijiet nazzjonali ta’ Settembru. Għall-bidu, l-SPD ta’ Martin Schulz kienu warrbu għal sehem f’amministrazzjoni flimkien mas-CDU u l-Partit CSU ( l-alleata ta’ Merkel mill-Bavarja), iżda wara xhur ta’ staġnar is-Soċjal Demokratiċi kienu vvutaw biex isiru t-taħditiet formali.

L-SPD kien iggverna flimkien mas-CDU għal tmienja mill-aħħar 12 il-sena, iżda wara li s-Soċjal Demokratiċi sofrew disfatta kbira fl-aħħar elezzjonijiet, Martin Schulz kien determinat biex imexxi lill-partit tiegħu mill-bankijiet tal-Oppożizzjoni.

Fl-istess ħin, l-SPD kien ilu taħt pressjoni biex jidħol f’koalizzjoni min-Novembru, meta Merkel naqset milli tiffissa koalizzjoni flimkien mal-FDP liberali u l-Ħodor.