In-nefqa għall-attivitajiet tal-Valletta 18 se tkun ta’ €48 miljun. Dan irriżulta minn dikjarazzjonijiet tal-Ministru Owen Bonnici meta t-Tnejn filgħaxija għamel stqarrija ministerjali dwar Valletta 18 fil-Parlament.
Il-Ministru Owen Bonnici qal li l-ftuħ ta’ Valletta 18 kien espressjoni ta’ livell ogħli u sostna li kull min attenda ħassu kburi li kien Malti. Qal li għall-ewwel darba fl-istorja, il-kultura hi prijorità fil-pajjiż u hi elementli jista’ jbiddel l-affarijiet. Il-Gvern qed jinvesti fondi rekord għal din is-sena.
Il-Ministru Bonnici qal li Valletta 18 ma setgħetx issir kieku ma kienx hemm il-viżjoni tal-ex Prim Minitru Lawrence Gonzi u tal-ex Ministru Mario de Marco li oriġinaw din l-idea kif ukoll lill-Prim Ministru Joseph Muscat, taċ-Chairman ta’ Valletta 18 Jason Micallef u persuni oħra li taw kontribut.
Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista qal li kien hemm iktar minn 100,000 persuna s-Sibt li għadda attendew għaċ-ċerminonja tal-ftuħ. L-investiment f’Valletta 18 kellu jkun u nżamm fl-ammont ta’ €48 miljun. Minn dan il-proġett se jgawdi l-pajjiż kollu fejn 200 attività mill-400 li se jsiru, se jkunu organizzati barra l-Belt. Se titwaqqaf ukoll aġenzija biex tassigura legat wara Valletta 18.
Id-deputat Nazzjonalista Karl Gouder feraħ lill-artisti kollha li ħadu sehem fil-ftuħ u sostna li Gvern Nazzjonalista ried li l-2018 tkun sena li fiha l-kultura titpoġġa fuq quddiem u jitħalla legat. Hu staqsa kif ġew magħżula l-artisti u kkritika l-fatt li fiċ-ċerminonja tal-ftuħ ma saritx enfasi fuq il-modern u l-kontemporanju. Karl Gouder ikkritika d-diżastru li kien hemm fit-trasport pubbliku u staqsa x’qed jieħdu r-residenti Beltin minn dawn l-attivitajiet speċjalment in-naħa t’isfel tal-Belt.
Id-deputat Nazzjonalista Claudio Grech tkellem dwar ir-residenti tal-Belt u qal li l-aspett komunitarju ma jistax jinqata’ ‘l barra mill-Valletta 18. Hu kompla li Valletta 18 hi opportunità ewlenija li biha l-ħajja fil-Belt tingħata spinta ‘l quddiem. Il-komunità tal-Belt qed tonqos ħafna u fin-naħa t’isfel tal-Belt hemm problemi li ma jista’ jiċħadhom ħadd.
Id-deputat Nazzjonalista Mario de Marco semma lil David Felice, li kien iċ-Chairman ta’ Valletta 18 u li ħejja l-bid book li wassal biex il-Belt tingħażel bħala l-Belt Kulturali 2018. Fil-bid book kien hemm numru ta’ proġetti intiżi biex is-suċċess tal-V18 tkun lil hinn mill-2018. Hu staqsa liema proġetti infrastrutturali li kienu fil-bidu li se jsiru u liema mhux se jsiru.
Dwar l-ispazju għall-arti kontemporanja de Marco staqsa jekk dan hux se jsir fl-Ospizio, kif ippjanat. Hu staqsa dwar il-Kulleġġ tal-Arti li kien ippjanat u jekk dan hux se jsir. Dwar in-naħa t’isfel tal-Belt hu qal li jekk il-proġett ta’ Sant’Iermu hux se jsir u jekk il-Kulleġġ tal-Arti hux se jsir fil-Forti Sant’Iemru. Ir-residenti tal-Belt għandhom ikunu protagonisti u mhux spettaturi.
Id-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar staqsa dwar il-kunsilli lokali li kienu firmatarji fl-applikazzjoni tal-V18 u dwar il-pjani li hemm biex isiru attivitajiet fil-lokalitajiet.
Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami staqsa kemm swiet l-attività tal-ftuħ, jekk kinitx skont il-budget u li r-regolamenti kollha dwar procurement kinux osservati. Hu staqsa wkoll dwar id-dwal ta’ Triq ir-Repubblika u qal li minkejja dak li ntqal, jidher li d-dwal ma sarux għal din it-triq iżda kien armar li kien diġà intuża.
Beppe Fenech Adami fakkar li Jason Micallef kien qal li kienet tqabbdet kumpanija biex tagħmel armar ġdid għal din t-triq iżda jidher li dan l-armar kien diġà intuża f’Bari. Għalhekk il-Gvern għandu jispeċifika kemm sewa dan l-armar, jekk kien hemm offerta għal dan id-disinn, minn fejn ġie dan l-armar, min ħa din id-deċiżjoni u kemm tħallas prezz għal dan l-armar li issa qed jiżżarma.
Id-deputat Nazzjonalista Claudette Buttiggieg semmiet l-attività fi Pjazza Tritoni u staqsiet għaliex inġieb spettaklu li ma kienx orġinali għaliex intuża f’pajjiżi oħra. Hi staqsiet ukoll dwar iċ-ċermonja tal-ftuħ u t-tema li ngħażlet; tema ta’ festa.
Il-Viċi-Kap tal-PN David Agius qal li kien twaqqaf kumitat parlamenti Valletta 18 u staqsa jekk dan il-kumitat hux se jkompli jiltaqa’.
Il-Ministru Owen Bonnici wieġeb li l-2018 se tkun sena eċċċezzjonali u sostna li l-gvern hu impenjat li Valletta 18 tħalli legat bi proġetti infrastrutturali fosthom il-Forti Sant’Iermu, il-pjazez, it-teatru, restawr ta’ diversi postijiet u l-Mużew għall-Arti (MUŻA). Se jsiru ħames proġetti oħra fl-2018 b’fondi Ewropej approvati li huma l-iżvilupp tal-Biċċerija l-Antika li se tkun trasformata f’ċentru ta’ disinn, l-ispazju t’arti kontemporanja fl-Ospizio, xogħlijiet fil-Palazz Presidenzjali biex dan jingħata lura lill-poplu, l-esperjenza tal-karnival u r-rock hub.
Dwar it-trasport pubbliku fiċ-ċerimionja tal-ftuħ f’Valletta 18, il-Ministru Bonnici qal li l-ammont ta’ nies li daħlu l-Belt kien esaġerat u bla preċedent. Hu semma t-trasport bil-baħar u qal li kien hemm kumment pożittivi dwar dan it-trasport u staqsa jekk wasalx iż-żmien li t-trasport bil-baħar ikun soluzzjoni.
Meta semma d-direzzjoni artistika, il-Ministru Bonnici ma weġibx il-mistoqsijiet ta’ Beppe Fenech Adami dwar id-dwal u qal biss li l-familji għoġbuhom id-dwal. Il-komunità kummerċjali tal-Belt ħarġet parti min-nefqa fuq dawn id-dwal.
Dwar l-ispettaklu ta’ Pjazza Tritoni, il-Ministru Bonnici qal li dan hu spettaklu meraviljuż minn truppa Spanjola ta’ klassi internazzjonali. Din it-truppa daħlet ukoll element Malti bil-parteċipazzjoni ta’ artisti Maltin.
Il-Ministru Bonnici qal li t-tema tal-festa ngħażlet għaliex tiġbor il-familja u għaliex tifforma parti ill-kultura Maltija.
Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista qal li din bidu ta’ era ġdida għal Malta u għall-Belt Valletta. Se jsir investiment fl-iskola primarja tal- Belt u fiż-żona Evans Building waqt li iktar nies se jkunu mħajra jmorru jgħixu l-Belt. Dwar il-ftuħ ta’ Valletta 18, Deo Debattista qal li n-nefqa għada mhix preċiża iżda kienet komparata man-nefqa taċ-ċerminjona tas-sħubija ta’ Malta fl-UE u fl-MTV. Il-kumitat parlamentari Valletta 18 se jibqa’ jiltaqa’.
Fil-bidu tas-seduta l-Viċi-Kap tal-PN David Agius ta l-kondoljanzi lill-familja tal-Monsinjur Sylvester Carmel Magri u ta l-awguri lill-Prim Ministru Joseph Muscat, lid-deputat Nazzjonalista Kristy Debono u lit-tenur Joseph Calleja
//= $special ?>