L-Ambaxxata tal-Istati Uniti f’Iżrael se tkun ittrasferita minn Tel Aviv lejn Ġerusalemm qabel l-aħħar tal-2019, skont ma qal il-Viċi-President Amerikan, Mike Spence.
Din id-data qed tkun iffissata għal aktar kmieni milli kienu qed jistennew l-osservaturi u wara li l-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, iddikjara, ix-xahar li għadda, li Ġerusalemm hu l-kapitali ta’ Iżrael. Trump, dakinar, kien ħareġ direttivi għall-bidu tat-tħejjijiet għat-trasferiment tal-ambaxxata minn Tel Aviv lejn Ġerusalemm.
L-aħbar ta’ Pence ingħatat waqt diskors lill-Parlament Iżraeljan u fejn hu kien interrot għall-ftit żmien minn grupp ta’ deputati Għarab li protestaw dwar id-deċiżjoni kontroversjali ta’ Trump.
L-istatus ta’ Ġerusalemm jinsab fil-qalba tal-konflitt bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani.
Iżrael jirrigwarda Ġerusalemm bħala l-kapitali ‘eterna’ tiegħu waqt li l-Palestinjani jgħidu li s-settur ta’ Ġerusalemm tal-Lvant – li ilu okkupat mill-Iżraeljani mill-gwerra tal-1967 fil-Lvant Nofsani – hu l-kapitali ta’ Stat tal-Palestina futur.
Is-sovranità ta’ Iżrael fuq Ġerusalemm ma kienet qatt rikonoxxuta fuq livell internazzjonali iżda l-Iżraeljani ilhom mill-1967 jibnu z-zoni residenzjali għal għexieren ta’ eluf ta’ Lhud f’Ġerusalemm tal-Lvant.
//= $special ?>


