Żewġt irġiel minn Raħal Ġdid tressqu l-Qorti akkużati li darbu gravi anzjan Olandiż u li ferew ħafif lil martu waqt ġlieda f’ristorant fil-Mellieħa. Hossam Amgad Anwar Aly Elnily ta’ 21 sena u Alessandro Tabone ta’ 34 sena wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontriehom.
Il-ġlieda nqalgħet nhar il-Ġimgħa meta tifel żgħir waqqa’ l-ilma fuq turista, bil-ġenituri tiegħu spiċċaw iwaddbu l-imwejjed u s-siġġijiet lit-turisti li kienu fuq il-mejda ta’ ħdejhom. It-turist Olandiż li għandu 66 sena rrakkonta kif martu kellha tbiddel postha diversi drabi minħabba li t-tifel beda jaqbad magħha.
Qal li omm it-tifel marret taffronta lil martu, filwaqt li allega li Tabone beda jinsulentahom, imbottah kemm-il darba u qatagħlu widnejh. It-turist Olandiż qal li Tabone u r-raġel l-ieħor bdew iwaddbu l-imwejjed u s-siġġijiet li kien hemm fir-restorant u saħansitra mbuttaw lil martu li waqgħet fl-art u darbet saqajha.
Meta xehdet it-turista, irrakkuntat kif wissiet lill-omm it-tifel dwar l-imġieba tiegħu, iżda spiċċat mgħajra u b’daqqiet ta’ sieq mill-akkużat. Qalet li r-raġel l-ieħor qabad siġġu u beda jsawwat lil żewġha tant li darbu u rat ħafna demm jinxtered fir-ristorant. Qalet li r-raġel beda jkisser it-tazzi, il-platti u l-imwejjed tar-ristorant. Hija uriet tiċrita fuq saqajha li saritilha meta Tabone mbuttaha u waqgħet mal-art.
L-irġiel talbu għall-ħelsien mill-arrest, bil-Qorti taċċetta t-talba tal-avukati difensuri Franco Debono u Amadeus Cachia fuq garanzija personali ta’ €1,000.
//= $special ?>

