Wara li fi tmiem il-ġimgħa, l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, l-MEP David Casa, żvela li fil-jiem li ġejjin se jkun qed jippubblika r-rapport konklussiv tal-FIAU li jikkonferma korruzzjoni u ħasil ta’ flus fl-ogħla livelli tal-Gvern Malti, dalgħodu, ċ-Chairman tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija u l-kandidat Laburista Jeffrey Pullicino Orlando nfexx jgħajjar u jhedded lil David Casa, u saħansitra qed jinsisti biex il-Pulizija tarresta lill-MEP tal-Partit Nazzjonalista.
Madanakollu, fi tweġiba mmedjata, David Casa sostna li ebda theddid mhu se jwaqqfu milli jkompli jagħmel dak li hu sewwa, u li t-talba għall-arrest kontrieh minn xi ħadd daqshekk viċin il-Prim Ministru hi tal-mistħija. “Il-lealtà tiegħi hi lejn il-poplu Malti u Għawdxi, u hu d-dmir tiegħi li nixkef l-attività kriminali,” sostna David Casa.
Hu temm jgħid li se jkun qed jippubblika r-rapport konklussiv tal-FIAU, u li għandu jwassal biex il-Prim Ministru ma jkollu ebda triq oħra ħlief li jkeċċi lil Konrad Mizzi.
//= $special ?>