Internazzjonali

L-Ekwador: Assange meqjus bħala ‘problema’

 

Il-President tal-Ekwador, Lenin Moreno, fisser il-fundatur ta’ Wikileaks, Julian Assange, bħala ‘problema li wiret pajjiżu’, waqt intervista fuq il-mezzi tax-xandir.

Julian Assange ilu jgħix fl-ambaxxata tal-Ekwador, f’Londra, minn Ġunju tal-2012, meta kien talab għall-kenn politiku. Assange kien anki mfittex mill-Iżvezja fuq akkużi dwar aggrediment li minn dak iż-żmien ’il hawn twarrbu. Madankollu, il-fundatur ta’ Wikileaks, issa, qed jinkwieta li jispiċċa estradit lejn l-Istati Uniti.

Ir-Renju Unit, dan l-aħħar, irrifjuta li jirrikonoxxi lil Julian Assange bħala aġent diplomatiku li, f’każ ta’ konferma, għandu jiggarantilu livell ta’ immunità.

Intant, il-President Moreno, issa, qed jgħid li Assange ‘ħoloq mhux ftit tal-intoppi’ għall-Gvern Ekwadoren mindu ngħata l-kenn politiku mill-eks-President tal-Ekwador, Rafael Correa.

Filwaqt li l-Gvern ta’ Moreno, għalissa, se jirrispetta l-istatus ta’ Assange, dan anki sab il-mezzi għalih biex jitlaq mill-ambaxxata mingħajr ma jissogra l-estradizzjoni mill-Istati Uniti. Dan meta l-Amerikani qegħdin ifittxuh għall-pubblikazzjoni, fl-2010, ta’ informazzjoni klassifikata u sensittiva ħafna minn Wikileaks.