Internazzjonali

L-Istati Uniti: Servizzi tal-Gvern jibqħu magħluqin fost il-kriżi

 

Mijiet ta’ eluf ta’ ħaddiema federali  ma setgħux jirrappurtaw għax-xogħol bħas-soltu, meta s-Senat ta’ Washington kien qed isibha diffiċli biex itemm l-istaġnar tal-Gvern f’sitwazzjoni oħra ta’ shutdown – it-tieni waħda fil-pajjiż mill-2013.

F’din is-sitwazzjojni, ammont kbir ta’ ħaddiema federali jistgħu ma jitħallsux sakemm tinstab soluzzjoni għall-kriżi. Dan wara li sessjoni rari tal-Ħadd għas-Senat ikkonkluda mingħajr qbil bejn ir-Repubblikani fil-Gvern u d-Demokratiċi. Ingħad ukoll li l-kwistjoni tal-immigrazzjoni kienet fost il-punti li ħolqu d-diżgwid f’dan l-aspett.

Filwaqt li numru ta’ servizzi essenzjali kienu qed jiffunzjonaw, is-sit tas-Statue of Liberty, fi New York, li hu hub ewlieni għat-turiżmu, spiċċa affettwat mill-kriżi. Il-monument kien qed jinżamm magħluq fiċ-ċirkustanzi, iżda l-Gvernatur ta’ New York, Andrew Cuomo, qal li qed jipprova juża l-fondi tal-Istat biex iħallas l-ispejjeż tal-ħaddiema u biex is-sit jerġa’ jinfetaħ.

Il-Gvern Amerikan litteralment ‘għalaq’ wara li, fl-aħħar tal-ġimgħa, tilef id-deadline għal ftehim bejn id-deputati rigward baġit ġdid. L-abbozz għall-infiq ma kienx pjan għall-finanzjament tal-impenji ‘għall-2018 kollha’ iżda, kieku, kien iżomm l-affarijiet għaddejjin sa, almenu, nofs ix-xahar id-dieħel.

Intant, id-Demokratiċi rrifjutaw li jappoġġjaw ftehim temporanju sakemm ikun indirizzat it-tħassib tagħhom dwar riformi għall-immigrazzjoni. Dan waqt li fallew l-isforzi lejn kompromess qabel il-bidu ta’ ġimgħa tax-xogħol normali.

Fl-istess ħin, mistenni li filgħaxija jittieħed vot ieħor intiż għat-tmiem tax-shutdown meta l-kriżi tidħol fit-tielet ġurnata tagħha.