Sport Sport Ieħor

OPEN TAL-AWSTRALJA – Novak Djokovic eliminat

Novak Djokovic safa eliminat mill-Open tal-Awstralja

Kontra kull mistenni, it-tennista mis-Serbja Novak Djokovic safa eliminat mill-Open tal-Awstralja b’telfa ta’ 7-6 (7-4) 7-5 7-6 (7-3) kontra t-tennista mill-Korea t’Isfel Hyeon Chung. Hyeon Chung issa se jilgħab kontra tennista ieħor li ħoloq sorpriża, l-Amerikan Tennys Sandgren li minn naħa tiegħu elimina lil Dominic Thiem.

Djokovic, li għandu 30 sena, deher muġugħ fil-minkeb u dan bla dubju kien fattur li ħalla impatt negattiv fuq il-wirja ta’ Djokovic.

Ta’ min jiftakar li Djokovic, tilef il-kumplament tal-istaġun tal-2017 minħabba injury fil-minkeb u jidher li dan il-minkeb issa se jerġa’ jtih il-problemi.

F’kummenti li ta Hyeon Chung qal li hu prova jikkopja eżatt il-logħba ta’ Djokovic biex għeleb lill-avversarju tiegħu f’ħin ta’ tliet siegħat u 21 minuta.

“Lanqas biss nista’ nispjega kif irbaħt il-partita. Li kont qed nilgħab kontra Djokovic hu diġa’ ħafna għalija u kuntent li kien qed jirritorna minn injury,” qal Hyeon Chung.

Iċ-champion renjanti Roger Federer sabha faċli biex elimina lil Marton Fucsovic tal-Ungerija. Federer, li rebaħ total ta’ 19-il Grand Slam rebaħ bi skor ta’ 6-4 7-6 (7-3) 6-2 u issa jmissu jilgħab kontra t-tennista mir-Repubblika Ċeka Tomas Berdych. Ta’ min jiftakar li matul is-sena li għaddiet Federer kien elimina lill-istess Berdych fit-tielet rawnd ta’ din il-kompetizzjoni.

Berdych ikkwalifika mal-aħħar tmiena b’rebħa ta’ 6-1 6-4 6-4 kontra Fabio Fognini.

Fil-kategorija tan-nisa Simona Halep rebħet kontra Naomi Osaka biex għaddiet għall-kwarti tal-finali. It-tennista Rumena rebħet bi skor ta’ 6-3 6-2 u issa se tilgħab kontra Karolina Pliskova. Din tal-aħħar rebħet 6-7 6-3 6-2 kontra Barbora Strycova.

L-eks champion Angelique Kerber wettqet rimonta biex rebħet 4-6 7-5 6-2 kontra Hsieh Su-wei biex għaddiet ukoll għall-kwarti tal-finali.