Lokali

FILMAT: Is-Sindku ta’ M’Xlokk jikteb lill-PM; Periklu f’kull kantuniera

Il-Kunsill ma jeskludix azzjonijiet legali

Is-Sindku Laburista ta’ Marsaxlokk, Horace Gauci, kiteb lill-Prim Ministru Joseph Muscat jilmenta dwar l-inkonvenjenti kbar li l-komunità tal-lokal qed tiffaċċja bħalissa f’diversi setturi, fosthom it-trasport pubbliku u t-traffiku.

F’email lill-Prim Ministru Jospeh Muscat u lil diversi entitajiet fosthom l-Enemalta, Transport Malta, l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, is-Sindku ta’ Marsaxlokk qal li f’Marsaxlokk it-tabelli tad-diversions fit-traffiku ma jeżistux, it-trasport pubbliku ma jaqdi lil ħadd, hemm periklu f’kull kantuniera u t-traffiku hu bla direzzjoni.

Dan minħabba d-diversi xogħlijiet li qed isiru u minħabba li m’hemmx infurzar mill-ebda awtorità, inkuż il-Pulizija u Transport Malta.

Is-Sindku Laburista sostna li l-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk qed jirċievi ħafna lmenti mingħand in-nies, li jinsabu mweġġa’ bis-sitwazzjoni.

Ma nafx x’qed nistennw f’Marsaxlokk, jekk hux xi diżgrazzja jew xi ħaġa agħar minn hekk, sostna s-Sindku ta’ Marsaxlokk, li kompla li f’dawn il-jiem waqgħet anzjana f’gandott nofsu konkos, vetturi kbar ġibdu wires u kważi galleriji, u turisti mit-Renju Unit qed iwasslu ilmenti lill-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk dwar din is-sitwazzjoni.

Quddiem din ir-realtà, sostna s-Sindku ta’ Marsaxlokk, il-Kunsill Lokali ma fadallu l-ebda triq oħra ħlief li jibgħat din l-email.

Is-Sindku ta’ Marsaxlokk sostna li l-kunsill ma jeskludix li jieħu azzjonijiet matul il-ġimgħa li ġejja; liema azzjonijiet jistgħu jkunu legali biex dawk responsabbli jġorru r-responsabbiltà.

Is-Sindku ta’ Marsaxlokk insista li saħħet ir-residenti u s-sigurtà għandha tinġieb qabel kull żvilupp, xogħol, kummerċ jew investiment. Hu temm l-email tiegħu billi ddikjara li “Marsaxlokk jixraqlu aħjar”.