Lokali

Sussidji ġodda għal min jibdel il-vettura tiegħu għal waħda elettrika

Dawk kollha li se jkunU qegħdin iwarbu l-vettura qadima mit-triq sabiex idaħħlu waħda aktar ġdida li tniġġes inqas, speċjalment jekk il-karozza tkun taħdem bl-elettriku ser ikunu qed jibbenefikaw minn skemi ġodda.

L-akbar fond allokat huwa dak ta’ €1 miljun disponibbli għal dawk li jiskrappjaw vetturi antiki biex minflok jixtru karozzi privati ġodda li jaqgħu taħt il-kategorija M1, fosthom hybrids.

Dawn il-persuni ser ikunu jistgħu jibbenefikaw minn massimu ta’ €2,000.

Dan filwaqt li fost oħrajn ġew allokati €500,000 għal dawk li jixtru vetturi elettriċi, plug-in hybrids u quad bikes elettriċi. Dawn ser ikunu jistgħu jibbenefikaw sa massimu ta’ €7,000 jekk ix-xiri jkun abbinat ma’ skrappjar ta’ vettura li għandha numru sostanzjali ta’ snin.

Kumpaniji ta’ vetturi kummerċjali ser ikunu jistgħu jibbenefikaw sa €200,000 minn din l-iskema ġaladarba jbiddlu l-vetturi tagħhom f’dawk elettriċi.

Dawk kollha li huma mħajra jaqilbu s-sistema tal-fuel tal-karozzi tagħhom għal autogas jew LPG jistgħu jibbenefikaw minn €200 li joħorġu minn allokazzjoni ta’ €50,000 oħra.

Dawk kollha li jixtru fost oħrajn muturi jew quad bikes, li kollha kemm huma jridu jkunu elettriċi, jingħataw sa €400 f’benefiċċju minn fond ta’ €100,000.

Dan kollu filwaqt li l-importaturi tal-karozzi ġodda li jkunu mħajra jattrezzaw ix-showroom tagħhom sabiex ikunu jistgħu jagħtu ‘service’ lill-karozzi elettriċi u jħarrġu lill-impjegati biex jużaw l-apparat meħtieġ, jistgħu jingħataw sa’ massimu ta’ €20,000 minn fond ta’ €80,000.