L-eksmexxej tal-Katalonja, Carles Puigdemont, dalgħodu wasal fid-Danimarka, bl-aħħar movimenti tiegħu jirriżultaw f’tentattiv ġdid għall-arrest tiegħu min-naħa tal-Prosekutur ta’ Spanja.
Iżda t-talba tal-Prosekutur ma waslet imkien wara li ma ntlaqgħetx mill-Qorti Suprema tal-pajjiż.
Puigdemont kien ħarab lejn il-Belġju f’Ottubru, wara li l-impenn fallut għall-indipendenza tal-Katalonja kien iddikjarat illegali mill-awtoritajiet Spanjoli.
Intant, Carles Puigdemont, fl-aħħar sigħat, ivvjaġġa lejn Kopenhagen biex ilaqqa’ dibattitu dwar il-Katalonja u – ftit wara l-wasla tiegħu – l-iSpeaker tal-Parlament Katalan innominah biex imexxi lill-gvern reġjonali tal-Katalonja.
Għalkemm il-Qorti Suprema Spanjola, f’Diċembru, kienet warrbet il-mandat ta’ arrest għal Puigdemont, il-Prosekutur ta’ Spanja, kmieni llum reġa’ applika biex dan il-mandat jerġa’ isir effettiv. Iżda waqt li l-Qorti Suprema Spanjola fissret il-vjaġġ ta’ Puigdemont lejn id-Danimarka bħala ‘provokazzjoni’, hi ddeċidiet biex ma tattivax mill-ġdid il-mandat.
Carles Puigdemont qed jiffaċċja pieni potenzjali fuq akkużi ta’ impenn għal rewwixta (fi Spanja) u l-użu ħażin tal-fondi pubbliċi. L-akkużi jġorru sentenza ta’ ħabs potenzjali ta’ 30 sena bħala massimu.
Meta l-eksmexxej Katalan wasal fl-ajruport ta’ Kopenhagen ma sar l-ebda tentattiv biex hu jinżamm taħt arrest. Puigdemont, imbagħad, telaq mill-ajruport bil-karozza.
Imħallef għall-Qorti Suprema Spanjola, fl-aħħar tal-2017, kien irtira l-mandat rigward Puigdemont li kien effettiv għall-Ewropa kollha, fuq il-bażi li ‘dan kellu jikkumplika l-investigazzjoni legali tal-Ispanjoli’. Dan ukoll fuq il-bażi li t-tneħħija tal-mandat għall-arrest internazzjonali kellha tippermetti biex Spanja tieħu lura l-kontroll sħiħ tal-każ.
//= $special ?>

