Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, esprima sodisfazzjon għat-tmiem ta’ sitwazzjoni li fiha l-Gvern ma setax jiffunzjona u fejn, fost oħrajn, kienu spiċċaw iffriżati s-servizzi federali.
Is-sitwazzjoni kienet magħrufa bħala shutdown u Trump, issa, qed jgħid li r-riżultat kien ‘trijonf kbir għar-Repubblikani fil-Gvern’. Dan wara li d-Demokratiċi fis-Senat qablu biex jappoġġjaw l-abbozz li jippermetti għall-funzjoni tal-Gvern wara li aċċettaw wiegħda tar-Repubblikani biex jiddibattu l-futur tal-immigranti żgħażagħ illegali fl-Istati Uniti.
Madankollu Trump qal ukoll li ‘id-Demokratiċi ċedew l-armi’ waqt li ffirma l-abbozz li jikkonkludi x-shutdown ta’ tlett ijiem. Dan waqt li Chuck Schumer, li jmexxi lid-Demokratiċi fis-Senat, akkuża lil Trump ‘b’li baqa’ fuq il-kwinti waqt l-eqqel tal-kriżi’
Fl-aħħar jiem, eluf ta’ ħaddiema mas-servizzi federali kienu tpoġġew fuq il-leave temporanju mingħajr ħlas u dawn, fl-aħħar sigħat, kienu qed iħejju biex jirritornaw għax-xogħol. Dan wara li l-abbozz dwar l-infiq ( li kkonkluda l-kriżi) għadda mis-Senat u l-Kamra tar-Rappreżentanti f’Washington waqt vot, matul il-lejl tat-Tnejn.
Il-ftehim mhux għat-tul taż-żmien u, fil-fatt, hu r-raba’ miżura temporanja minn Ottubru, peress li t-Tmexxija f’Captol Hill ma tistax taqbel dwar baġit fuq żmien itwal.
//= $special ?>

