Fil-jiem li għaddew l-Isqof Malti fid-Djocesi ta’ Malindi fil-Kenja Emmanuel Barbara ngħata l-aħħar tislima min-nies tal-lokali. Komunita’ fqira ħafna, li iżda apprezzaw dak kollu li l-Isqof Malti għamel għalihom f’dawn is-snin.
Minkejja l-miżerja li jgħixu fiha, dawn in-nies għamlu minn kollox biex l-isqof Malti jagħtuh l-aqwa tislima.
L-Isqof Emmanuel Barbara miet fil-5 ta’ Jannar li għadda fir-residenza tiegħu f’Malindi fl-eta’ ta’ 68 sena.
Il-Komunita’ fqira li għaliha ddedika tant snin ta’ ħidma, organizzatlu funeral umli fuq jumejn. Kienet ċelebrazzjoni mill-isbaħ li għaliha attendew mijiet ta’ nies minn kull rokna tad-Djoċesi ta’ Malindi.
L-Isqof Emanuel Barbara, li kien mill-Gżira, ġie ordnat Isqof fil-Kenja fl-2011 u ħadem għal 26 sena mal-foqra fl-Afrika. Fl-2013 il-Papa Franġisku ħatar lill-Isqof Emanuel Barbara O.F.M. Cap. bħala Amministratur Appostoliku tad-Djoċesi ta’ Mombasa.
L-Isqof Barbara studja l-Filosofija u t-Teoloġija u ġie ordnat qassis fl-1974. Serva ta’ Viċi Kappillan fil-Parroċċa ta’ San Ġwann, kien jgħallem fis-Seminarju Maġġuri ta’ Għawdex u kien jifforma parti mill-Moviment ta’ Kana. Għamel sentejn bħala l-Kappillan tal-Isptar San Luqa u anke Rettur tal-Istitut ta’ Ħajja Kkonsagrata.
L-Isqof Barbara serva bħala Provinċjal tal-patrijiet Kappuċċini f’ u President tal-Konferenza Ewropea tal-Kappuċċini.
Ix-xewqa tal-Isqof Emmanuel Barbara kienet li jindifen f’Malta, art twelidu. Għalhekk, mill-Afrika, issa l-katavru tal-Isqof Barbara beda l-vjaġġ lejn Malta biex nhar is-Sibt fis-2p.m. jingħata l-aħħar tislima fil-Katidral tal-Imdina. Lejlet il-funeral, il-Ġimgħa, 26 ta’ Jannar, fis-7:00 p.m. ser jiġi ċċelebrat l-Għasar tal-Mejtin fil-Knisja tas-Salib Imqaddes (tal-Kapuċċini), il-Furjana.
Waqt li l-ġisem tal-Isqof Emmanuel Barbara m’għadux fil-Kenja, żgur li se jibqa’ f’qalb il-foqra li ħadem tant għalihom.
//= $special ?>FILMAT: “Smajt l-isparaturi minn fuq it-telefon” – L-Isqof Malti fil-Kenya Emmanuel Barbara